Kif jgħid il-Malti “bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mexa’ ma’ dan il-qawl fuq il-każijiet kollha ta’ korruzzjoni li qamu fost il-membri tal-grupp parlamentari tiegħu stess. Simon Busuttil ma kienx kapaċi jieħu l-ebda azzjoni kontra dawk ta’ madwaru, anki quddiem fatti inkwetanti li ċanfru l-attitudni tal-istess membri parlamentari. Giovanna Debono, Joe Cassar, Toni Bezzina, Chris Said u l-bella kumpanija jafu xi ħaga dwar dan.
Dawn is-sitwazzjonijiet juru l-kwalitajiet dgħajfa ta’ tmexxija li qed joffri l-PN. Kwalitajiet li mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni għandhom ikunu s-sinsla tal-partit sabiex ikun jista’ jappella għall-elettorat. Dan mhuwiex il-każ tal-PN fejn bħalissa qed nassistu għal Oppożizzjoni mitlufa fi strateġija li hija mmirata biss biex tħammeġ lill-Gvern u lill-pajjiżna. Ma jinteressahomx mill-ġid li qed jinħoloq għall-poplu Malti u Għawdxi – l-uniku interess tagħhom huwa li jerggħu jaħtfu l-poter. L-arroganza fit-tmexxija u l-istrateġija distruttiva tal-PN ma tawgurax tajjeb għall-livell politiku u għall-prosperità ta’ dan il-pajjiż.
Mingħajr dubju, il-kliem minn fomm il-Kap tal-Oppozizzjoni joħroġ malajr daqs sajjetta. Madanakollu, x’sustanza fih dan id-diskors? Wisq aktar, kemm qed iżomm ma’ dak li jgħid?
Huwa ferm faċli tikkritika lil ħaddieħor u tgħid dak li jridu jisimgħu n-nies biex tiġbor ftit simpatija u xi punti politiċi. Iżda l-kapaċita’ fit-tmexxija toħroġ meta jkollok bżonn tieħu d-deċizjonijiet mingħajr ma tħares lejn uċuh. Il-PN immexxi minn Simon Busuttil qed ifalli bil-kbir fit-tmexxija interna, aħseb u ara kemm se joffri tmexxija serja lil dan il-pajjiż.