F’Diċembru 2024, l-Aġenzija S&P Global Ratings għolliet il-klassifikazzjoni tal-kreditu f’terminu twil u f’terminu qasir tal-Bank of Valletta, għal BBB/A-2 minn BBB-/A-3. Barra minn hekk, S&P Global Ratings għolliet il-klassifikazzjoni tal-kontroparti ta’ riżoluzzjoni fit-tul (RCR) għal BBB+ minn BBB u kkonfermat il-klassifikazzjonni A-2 għall-kontroparti ta’ riżoluzzjoni f’terminu qasir. Il-prospett stabbli jirrifletti l-fehma ta’ S&P li l-BOV se jibqa’ jżomm proporzjon addizzjonali ta’ kapital li jassorbi t-telf (ALAC ratio) f’livelli ferm ogħla minn 4% mill-metriċi tal-assi marbuta ma’ riskju kif stabbilit minn S&P Global Ratings, matul is-sentejn li ġejjin, filwaqt li jippreserva l-pożizzjoni dominanti li għandu l-Bank fis-suq lokali u l-kapitalizzazzjoni b’saħħitha.
B’reazzjoni għal dan, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv is-Sur Kenneth Farrugia esprimew is-sodisfazzjon tagħhom. Dr Cordina saħaq li “Dan it-titjib minn S&P Global Ratings huwa xhieda oħra tal-progress sostnut li qed jagħmel il-Bank. Saru sforzi sinifikanti sabiex nerġgħu nibdew insostnu l-profittabilità u ntejbu s-sigurtà tal-Bank għall-benefiċċju tal-partijiet kollha interessati, fosthom l-azzjonisti u l-komunità in ġenerali. Dan it-titjib fil-klassifikazzjoni jfisser rikonoxximent għal dawn l-isforzi u affermazzjoni li ninsabu fid-direzzjoni t-tajba filwaqt li jagħtina kunfidenza biex inkomplu għaddejjin fit-triq li qbadna”.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia ukoll attribwixxa din l-aħbar għad-direzzjoni strateġika ċara li għandu l-Bank, il-programm ta’ trasformazzjoni tiegħu u l-impenn lejn l-eċċellenza u t-tmexxija tal-operat. Barra minn hekk, l-isforzi li saru biex il-Bank jaċċerta ruħu milli jżomm bażi soda ta’ kapital, kienu kruċjali biex il-Bank seta’ jikseb din il-klassifikazzjoni pożittiva. “Dan it-titjib jirrifletti l-qagħda finanzjarja b’saħħitha tal-Bank of Valletta u jivvalida l-viżjoni strateġika tagħna u l-isforzi li għaddejjin sabiex insaħħu l-kapital tal-Bank, li għandu jwassal biex inkomplu nirreġistraw tkabbir fin-negozju tagħna matul is-snin li ġejjin. Il-ħruġ ta’ €100 miljun f’bonds (2029-2034) li kellna dan l-aħħar u li għalqu f’jumejn minn meta nħarġu fis-suq, jirrifletti l-fiduċja b’saħħitha li jgawdi l-Bank mill-pubbliku ġenerali. Din l-aħbar ta’ S&P Global Ratings issegwi wkoll aħbar oħra pożittiva li ksibna f’Novembru meta l-Bank rebaħ l-Unur tal-Kumpanija tas-Sena għall-2024 mill-Borża ta’ Malta. Dawn kollha f’daqqa jaffermaw il-pożizzjoni li għandu l-Bank bħala mexxej fis-settur finanzjarju u mutur fis-sostenibbiltà, l-integrità u l-valuri li jpoġġi lill-klijent fil-qalba tal-operat.”
Fl-aġġornament ippubblikat minn S&P Global Ratings, S&P qed ibassar li matul is-snin li ġejjin, bil-pożizzjoni dominanti fis-suq u l-kapital b’saħħtu, il-Bank ikompli jwieżen l-istabbilità tan-negozji f’Malta. S&P irrapporta wkoll li l-Bank of Valletta jibqa’ l-ikbar Bank f’Malta bi proporzjon b’saħħtu ta’ madwar 50% tas-suq lokali sew fis-self kummerċjali u d-depożiti tal-klijenti sal-aħħar ta’ Settembru 2024. S&P qed jistenna wkoll li l-Bank ikompli jgawdi minn kundizzjonijiet ekonomiċi tajbin xprunati minn tkabbir ekonomiku b’saħħtu