“Nista’ ngħid li minn mindu mietli ibni Jerome, stajt nifhem aktar xi tfisser il-kelma dulur u x’ħasset il-Madonna meta mitilha binha.”
Hekk qalet Josette Frendo, omm li tilfet lill-binha Jerome f’Ottubru li għadda.F’messaġġ fuq Facebook, Josette spjegat li dulur hu meta ibnek l-għażiż imut u qatt m’hu ser tarah aktar f’din id-dinja, meta kont tara lill-ibnek ibati u ma stajt tagħmillu xejn, meta ibnek ikun muġugħ fis-sodda u inti tibki f’kamra oħra.
Spjegat ukoll kif dulur hu meta tara lill-ibnek iħalli din id-dinja ftit ftit, u ma tridux ibati iżda tixtiequ li xorta jibqa’ miegħek, meta l-omm kellha ħafna pjanijiet għall-futur ta’ binha iżda issa kollha sfaxxaw ix-xejn u meta tixtieq li terġa’ tgħannaq u tbus għal darb’oħra lit-tifel tiegħek imma taf li għalxejn.
Temmet il-kitba tagħha billi qalet “fiha ħafna duluri din il-ħajja.”
Jerome Frendo, żagħżugħ ta’ 20 sena minn Ħ’Attard, li kien voluntier ta’ Puttinu Cares, tilef ħajtu wara tliet snin u tmin xhur jiġġieled il-battalja kontra din il-kanċer.