Skont Bernard Grech, l-aktar ħaġa li seta’ għamel aħjar f’dawn l-erba’ snin u fuqhom li hu ilu Kap tal-Partit, kien li ma niżżilx biżżejjed lin-nies jipprotestaw fit-toroq.
Hu qal dan waqt intervista fil-programm ‘Popolin’ fuq ix-xandir nazzjonali, konferma oħra li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli għaddej bil-kampanja negattiva tiegħu u, fuq kollox, kif ikompli fuq dak li qed jordnalu l-Kap de facto Karol Aquilina biex iniżżel in-nies fit-toroq.
“Stajna wkoll anke tlabna lill-poplu jinżel fit-triq f’ċirkostanzi oħrajn.”
Waqt din l-istess intervista, żagħżugħ mill-udjenza staqsa lil Grech dwar l-aġir dispreġġjattiv tad-Deputat Karol Aquilina fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat u kif, b’mod ċar, dan qed inaffar ukoll liż-żgħażagħ milli jidħlu jew jipparteċipaw fil-politika.
Dan anke fl-isfond tas-slogan tal-Partit Nazzjonalista ‘Malta Żagħżugħa’. Però hawnhekk Grech injora l-mistoqsija.
KARL SCHEMBRI: “Intom bħala parti mis-slogan tal-Partit Nazzjonalista, ħriġtu bis-slogan ta’ ‘Malta Żagħżugħa’. Taħseb li l-aġir ta’ Karol Aquilina fil-Parlament jimxi ma’ dan is-slogan?”
BERNARD GRECH: “Ma nafx x’għandu x’jaqsam, żagħżugħa ma’ dan.”
Mistoqsi wkoll dwar l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’ minn GonziPN, Bernard Grech iddefenda tali deċiżjoni.
“Fejn jidħlu snajja’, fejn jidħlu snajja’, hawn il-misconception li s-snajja’ marru lura, għax ingħalqu l-iskejjel tas-snajja’.”
Minkejja dan, hu fatt magħruf kif dik id-deċiżjoni wasslet biex anke llum għadu jinħass in-nuqqas ta’ ċerti snajja’ fil-workforce nazzjonali.
Dan wassal biex il-Gvern Laburista jibdel ir-rotta f’dan ir-rigward, tant li wkoll għaddej b’ħidma konġunta biex jitwaqqaf istitut ġdid għas-snajja’ fi ħdan l-MCAST.
Sadanittant, wara barax ta’ kritika mill-Partit Nazzjonalista dwar il-power station ta’ Dellimara hekk kif, mill-2017, bdiet taħdem bil-gass, li hu ferm aktar nadif mill-Heavy Fuel Oil li kien jintuża preċedentement, issa qal b’ipokrezija kbira li juża l-istess fuel.
BERNARD GRECH: “Se jkollok potenzjal anke għall-gass. Sakemm jiġu biex isiru.”
QUINTON SCERRI: “Imma l-gass taf xi kritika kien hemm fuq l-imbierka powerstation li taħdem bil-gass, jiġifieri ħa nerġgħu mmorru għall-gass f’dinja moderna?”
BERNARD GRECH: “Aħseb u ara tibqa’ bid-diesel.”
U mbagħad qal li, taħt Gvern Nazzjonalista, kienu żdiedu l-pensjonijiet meta fil-fatt dawn tħallew iffriżati.
“Il-pensjonijiet iridu jibqgħu jiżdiedu … żdiedu taħt Gvern Nazzjonalista.”