Wasal tmiem l-istaġun 2022-2023 għall-għawm paralimpiku Malti. L-għawwiema lokali komplew jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-għawm organizzati mill-ASA of Malta filwaqt ta il-Kumitat Paralimpku Malti kompla fix-xogħol tiegħu mal-ċlubs affilijati tiegħu biex l-għawm isir dejjem aktar aċċessibbli għal żgħażagħ b’diżabbilitaijiet fiżiċi.
L-għawwiema Maja Theuma u Vladyslava Kravchenko komplew jagħmlu unur lil Malta kemm lokalment u kemm fuq livell internazzjonali. Theuma, li tgħum ma’ Exiles SC mal-kowċis Tim Hartley u Edward Caruana Dingli, ikkompetiet f’ kull time trial organizzata mill-ASA of Malta waqt dan l-istaġun u kompliet iġġib riżultati konsistenti. Fuq livell internazzjonali hija ħadet sehem f’ żewġ edizzjonijiet tal-World Paraswimming World Series. F’Marzu ipparteċipat fil-World Series li saru f’Sheffield, fejn fost it-tielaq li ħadet sehem fihom, stabilixxiet l-aqwa ħin personali tagħha u rekord nazzjonali ġdid fil-200m Freestyle S6 b’ħin ta 4:46.11.
F’Mejju hija ħadet sehem fil-World Series f’Berlin, fejn tejbet l-aqwa ħin personali u r-rekord nazzjonali tagħha fl-400m Freestyle S6 b’ ħin ta’ 9:53.89. Hija reġgħet tejbet dan il-ħin ġimgħa wara fis-7 Time Trial f’ Malta f’ hin ta’ 9:51.31.
Kravchenko, li pparteċipat fil-Paralimpjadi tal-2016 u tal-2020, temmet l-istaġun bil-parteċipazzjoni tagħha fil-World Para Swimming World Championships f’Manchester.
Kravchenko, li titħarreġ mal-Università ta’ Loughborough, ikkompetiet fil-50m baċkstroke S5 u spiċċat fis-16-il post.
Hija kienet akkumpanjata minn Katie Roberts bhala kowċ, u taħt il-gwida ta’ Edward Caruana Dingli bħala Paraswimming Lead għal Team Malta.
Riċentament, Kravchenko inħatret bħala membru tal-Kunsill tal-Atleti fi ħdan il-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, u b’hekk saret l-ewwel delegat Malti li jżomm rwol fuq livell internazzjonali tal-isport paralimpiku. Din il-ħatra saret f’ preparazzjoni għall-IPC Athletes’ Forum 2023 fil-Korea t’Isfel.
Theuma, fl-irwol tagħha bħala Rappreżentant tal-Atleti fil-Kumitat Paralimpiku Malti, ukoll kienet mistiedna biex tipparteċipa fl-IPC Athletes’ Forum, u ż-żewġ għawwiema Maltin kellhom l-opportunità jiltaqaw ma’ atleti b’diżabilità oħra u jaħdmu magħhom biex joħolqu iktar opportunitajiet għall-atleti internazzjonali b’diżabilità.