Staġun impenjattiv għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Hekk jista’ jissejjaħ il-perjodu ta’ bejn Settembru elfejn u sbatax u Lulju elfejn u tmintax, b’aktar minn sittin kunċert skedat fil-kalendarju tal-Orkestra Maltija għall-istaġun il-ġdid.
Sa mill-bidu tal-istaġun, il-mużiċisti jkunu mpenjati minn ġimgħa għall-oħra b’numru ta’ kunċerti simfoniċi u oħrajn annwali : bħal ta’ Joseph Calleja u tal-Girgenti. Imbagħad hemm kunċerti oħra bħal dawk ta’ żmien il-Milied u l-festi tal-Għid, li l-preparamenti għalihom jibdew minn kmieni. Iżda bħalma jaf kulħadd, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qed timraħ lil’hinn minn pajjiżna.
Iċ-Ċermen tal-Orkestra Sigmund Mifsud tkellem dwar żewġ tours li jispikkaw fil-programm tal-istaġun il-ġdid – waħda fir-Russja u l-oħra fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest, il-Ministru Owen Bonnici elenka numru t’unuri u suċċessi li l-Orkestra Filarmonika qed tagħmel f’isem pajjiżna, fejn kull fejn tmur iġġorr l-identità Maltija. Iddeskriviha bħala “djamant b’ħafna wċuh”, ikkaratterizzat mid-diplomazija kulturali, il-kollaborazzjoni m’artisti diversi, u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
B’dawn tal-aħħar ikomplu jibnu fuq is-sisien tas-snin l-imgħoddija, fejn għal darb’oħra din is-sena se jkun hemm programm t’internship li se jara sitt mużiċisti fl-Orkestra taż-Żgħażagħ, isegwu provi u eventwalment jieħdu sehem f’kunċerti mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.