Din kienet sena memorabbli oħra għas-Swieqi Phoenix Volleyball, hekk kif il-klabb għalaq l-istaġun 2023/24 bħala Champion tas-Superleague, Rebbieħ tas-Supercup, kif ukoll Champion tal-kategoriji tal-U19 u tal-U15.
Meta kkummenta dwar is-suċċess tas-Swieqi Phoenix Volleyball, il-President tal-klabb Orlando Bonnici stqarr li dan kien riżultat ta’ ħafna xogħol u ta’ investiment sostanzjali matul is-snin. Huwa qal li l-kwalità tal-plejers u tal-kowċing jidher mir-riżultati miksuba. “Ta’ min wiehed isemmi li dan l-istaġun irbaħna id-disa’ titlu konsekuttiv tal-U15, kif ukoll it-tmien titlu konsekuttiv fil-kategoriji tal-U19. Il-proġett tagħna huwa mibni fuq pedamenti sodi, u r-rekord tagħna jagħti tifsira importanti lil-motto tagħna bħala “Il-klabb ewlieni tal-volleyball f’Malta’.” Huwa rrangrazzja wkoll lil-isponsors tal-klabb – NIUM, EY Malta, Dakar Software Systems, Bio Aqua Garden – Malta Aquaphonics System, u Planit Travel Services – għas-sapport tagħhom.
Leonard Zammit Munro, Head Coach u Direttur Tekniku tal-klabb, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Swieqi Phoenix reġa’ ħareġ bħala l-forza dominanti fil-volleyball Malti għal staġun ieħor suċċessiv. “L-erba titli li rbaħna din is-sena – li b’kollox jgħoddu 34 titlu nazzjonali mill- istaġun 2014/15 – jirriflettu l-approċċ professjonali adottat minn meta bdejna l-vjaġġ tagħna fl-2012. L-akbar assi tal-klabb jibqgħu l-plejers tagħna. Il-filosofija tal-klabb, bbażata fuq l-iżvilupp tal-plejers, tfisser li l-atleti kollha tagħna – mill-kbar sa l-iżgħar fosthom – jibbenefikaw minn progamm maħsub sabiex jimmassimizza l-potenzjal tagħhom bħala plejers, u bħala individwi. “
Għal aktar informazzjoni dwar Swieqi Phoenix Volleyball, jew biex tingħaqad ma’ wieħed mit-timijiet tagħhom, żur il-paġna ta’ Facebook tal-klabb, jew ikteb lil klabb fl-indirizz swieqiphoenixvolleyball@gmail.com.