Ġie mniedi staġun varjat għas-sena li ġejja mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, bil-programm jinkludi aktar minn 60 kunċert, fosthom ‘Beethoven’s Ninth’, ‘Verdi’s Requiem’ u l-‘Foundation Day Concert’ flimkien mal-Orkestra taż-Żgħażagħ. Minbarra hekk, se jkun hemm ukoll kunċerti da camera, serje għat-tfal ‘Do-Re-Mi’, kollaborazzjonijiet ma’ KorMalta u ma’ solisti lokali u internazzjonali u parteċipazzjoni fil-Festival ta’ Spoleto.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li l-istaġun li jmiss tal-Orkestra se jipprovdi programm varjat u kollaborazzjonijiet prestiġjużi, li jixhed kemm din hi impenjata li tkompli tikber u ssaħħaħ l-identità kulturali ta’ pajjiżna.
“Kien pjaċir kbir tagħna li nniedu lill-pubbliku inġenerali il-programm artistiku tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-istaġun li jmiss, fejn qegħdin nagħtu lill-pubbliku inġenerali aktar minn 60 avveniment li żgur se jinżlu tajjeb mal-ġenerazzjonijiet kollha f’pajjiżna. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hi espressjoni ta’ pajjiżna kollu kemm hu. Aħna rridu li din l-orkestra tkompli timxi ’l quddiem u biħsiebna nkomplu nsaħħuha biex tilħaq suċċessi ġodda.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Kap Eżekuttiv Vanessa Mangion sostniet li x-xahar ta’ Settembru dejjem ifisser ftuħ ta’ staġun ġdid u għalhekk hu dmir ta’ din l-akbar istituzzjoni mużikali ta’ pajjiżna li tieħu sehem f’avvenimanti nazzjonali, tagħti kunċerti lill-udjenza mużikali fil-ġeneru klassiku, iżda mhux biss.
Semmiet kif l-Orkestra hi versatili u kapaċi toħroġ bl-unuri kemm f’kunċerti ta’ sinfoniji mill-aqwa kif ukoll f’attivitajiet ta’ mużika moderna.
“Hu programm diversiv ħafna, intensiv, għamilna xogħol daqsxejn mhux ħażin mal-artistic team, fejn għandna tim tal-esperjenza, allura seta’ jiggwidana anke f’kuntatti barra minn Malta. Allura stajna nagħmlu programm daqsxejn vast. Nispera li jintogħġob mhux ħażin mill-pubbliku fejn l-idea u l-viżjoni li nkabbru l-udjenzi fejn ma jkunux biss l-udjenza tas-sinfonija, imma udjenza diversiva, għax il-mużika hi versatili ħafna.”
Vanessa Mangion – Kap Eżekuttiv, MPO
L-MPO għandha wkoll il-fergħa tal-mużiċisti żgħażagħ, li tirrappreżenta l-futur tat-talent mużikali u l-wirt kulturali Malti, u b’mużiċisti żgħażagħ entużjasti sservi bħala pjattaforma dinamika għall-iżvilupp artistiku, kif ukoll tħeġġeġ l-apprezzament profond għall-mużika klassika u kontemporanja fost iż-żgħażagħ.
Permezz ta’ taħriġ rigoruż, din l-orkestra tipprovdi opportunitajiet varji u l-ħeġġa għall-kreattività u l-eċċellenza, waqt li tkompli tevolvi u tassigura l-wirt kulturali għas-snin li ġejjin.