Minkejja li l-istaġun ta’ din il-ħuta jinsab fl-aqwa tiegħu, jidher li s-sajjieda Xlukkajri qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ bosta sfidi li qegħdin iwasslu sabiex jinqabdu inqas ħut mis-soltu.
One News tkellem ma’ Frans Carabott- sajjied full time minn Marsaxlokk- li ilu jistad għal-lampuki għal madwar għoxrin sena. Spjega kif għal kuntrarju ta’ snin precedenti sa issa għadu qabad biss mitt kilo fi tlett sajdiet. Spjega kif “bħalissa l-istaġun fetaħ u mhux qiegħed tajjeb ħafna, qiegħed ħażin ferm, morna tlett darbiet u ma qbadna xejn, imma s’issa għadna lanqas id-diesel ma fdejna.”Mistoqsi dwar x’jistgħu ikunu r-raġunijiet wara dan kollu, Frans semma li t-temp kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għall-fatt li sabiex jinqabad il-lampuki l-baħar irid ikun żejt. Żied jgħid li l-lampuka naqset ferm għall-fatt li saret ukoll imfitxija minn bosta sajjieda barranin fosthom Taljani, Tuneżini u Spanjoli:
“It-Taljani qed jistadu qabilna, jitfgħu iċ-ċimi qabel il Maltin. Kulħadd sar jiggennen ghal din il-ħuta. Qabel konna Maltin biss nistadu għal din il-ħuta. Kemm titfa kannizzati l-baħar, din ikollha ma xiex tieqaf.”
Semma kif l-akbar weġgħa ta’ sajjied Malti hija li l-barranin, qegħdin jaqtgħulhom iċ-ċimi waqt li l-vapuri wkoll saru biċċa wġiegħ ta’ ras għas-sajjieda.
“Min naħa tal-Lvant ġieli kien hemm it-Taljani jaqtgħu iċ-ċimi lix-Xlukkajri. Huma jqabbdu l-kons tagħhom maċ-ċimi u minflok jeħilsu l-kons tagħhom u jibqgħu sejrin, jaqbdu u jaqtgħuha u dik la taqtagħha tintilef-tmur inti u ma ssibhiex. In-naħa t’Għawdex jew in-naħa tal-Lbiċ ta’ Malta- ikun hemm it-Tuneżini li jmorru jdawruhielhom, u vapur jaqtahieielek ukoll, imma l-agħar meta jaqtahielek xi hadd b’vendikazzjoni- dik kerha.
Iżda bi tbissima fuq fommu, Frans saħaq li l-lampuka xorta għadha l-aktar speċi ta’ ħuta mfittxija mill-Maltin u r-ristoranti u l-anqas jilħqu jirfsu l-art li ma tinħatafax:
“Malta l-lampuka hija l-iktar li tittiekel żgur. Jien naħdem għal kollox, u staġun wara il-lampuka li tinbiegħ, qabel konna naqbdu ħafna lampuki u Malta kollha kienu jinbiegħu. In-nies, speċjalment il-Maltin, ifittxuha ħafna.”