Il-ġurnalist ta’ esperjenza Karl Stagno Navarra, li bħalissa jikkontribwixxi għall-Bloomberg, se jkun qed jirritorna fuq it-televiżjoni Maltija bi programm li se jixxandar kuljum qabel l-aħbarijiet ta’ ONE.
Pjazza ONE huwa programm li se jimla vojt f’ħin tal-ġurnata fejn ssir l-ewwel analiżi ta’ dak li jkun ġara matul il-jum u dak li jkun għadu għaddej, fost oħrajn mill-Parlament u bi tħejjija għall-bulettin tal-aħbarijiet.
“Se niddiskutu l-ġrajjiet kurrenti, ikollna mistednin fl-istudios u nitkellmu dwar il-politika, l-ekonomija u s-soċjetà,” qal Stagno Navarra li saħaq li dawn huma biss ftit mit-temi li se jkun qed jiddiskuti u jistħarreġ.
Stagno Navarra kien għal snin twal wiċċ familjari fuq NET TV, iżda minn meta telaq ħadem mal-Illum, Maltatoday u anke Al Jazeera. Illum jispeċjalizza f’rapportaġġ fuq temi Ewropej għal Bloomberg. Dwar it-tluq minn ma’ NET qal li meta l-partit beda jadotta stil konservattiv fehem li għalih il-politika qatt ma kienet reliġjon iżda hija dwar x’inhu l-aħjar għall-pajjiż.
“Hija sfida wara deċendju mhux fit-televiżjoni Maltija. Nemmen li nista’ ngħamel TV show tajjeb,” qal il-preżentatur li tkellem li hekk se jkun qed ixandar fuq stazzjon b’telespettatur leali li fl-aħħar snin kien fost l-aqwa. “Second to none,” qal Stagno Navarra.