F’Marsaxlokk, il-Prim Ministru qal li r-riżultati qedin hemm biex kulħadd jarahom, imisshom, u jħosshom bil-bwiet tiegħu fil-livell tal-għixien tal-familji.
Joseph Muscat qal li t-tliet mistoqsijiet li jistaqsi kull persuna illum għandhom tweġibiet ċari aktar minn qatt qabel:
- Illum qed ngħix aħjar milli kont ngħix fil-bidu tal-leġiżlatura?
- Pajjiżna llum qiegħed aħjar milli kien fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura?
- Pajjiżna, jekk jibqa dan il-Gvern għal leġiżlatura oħra, ħa jkun aħjar?
It-tweġibiet kollha huma ‘iva’, għaliex huwa tim wieħed magħqud.
Saru żbalji, uħud goffi, imma kull darba kien hemm tagħlim, u apparti l-iżbalji sar ħafna tajjeb. Fuq kollox il-Prim Ministru qal li twettaq dak imwiegħed, mingħajr skużi. Ħaddieħor ħalla ċertu affarijiet mitluqin għal ħafna snin, u dan il-Gvern, filwaqt li fadallu x’jagħmel, qed jaqbad il-problemi u jsolvihom.
Ma ħaddieħor ma tieħu xejn, qal Muscat, għalkemm għaraf li hemm bżonn wieħed jistenna ftit, dan huwa Gvern li jwettaq li jwiegħed. Mhux ta’ b’xejn, żied jgħid, li l-qgħad dejjem jonqos u nies fin-negozju għandhom ħafna xogħol.
Din il-ġimgħa, fakkar il-Prim Minsitru, il-Eurostat qal li 81% jemmnu li l-ekonomija tal-pajjiż miexja fid-direzzjoni t-tajba. Dan ifisser li rrispettivament minn kif wieħed jivvota, il-poplu jemmen li dan il-Gvern qed imexxi lill-pajjiż fid-direzzjoni tajba. Għalija, qal Muscat, dan huwa sinjal b’saħħtu ħafna. “Jagħtini l-enerġija biex nimxu saħansitra aħjar” qal il-Prim Ministru.
Semma l-każ tal-familji li ħdax-il sena wara li l-Gvern kien serqilhom il-f’taxxa fuq karozzi, issa se jingħataw flushom lura. Issa dan il-Gvern se jindirizza inġustizzji tal-passat, għalkemm l-eħfef ħaġa hija li wieħed jgħid li dak ġara taħt amministrazzjoni oħra u jaħsel idu.
“Mhux problemi li ħloqna aħna, imma se nsolvuhom aħna” tenna Muscat.
Kruċjali f’dan kollu huma l-istabilità u krediblità. Dan huwa Gvern li qatt ma kien hemm dubju kemm huwa sod, b’saħħtu u magħqud…affarijiet li jittieħdu forgranted illum il-ġurnata. Jekk pajjiż jilgħab ma kollox, spjega l-Prim Ministru, ma jistax jilgħab mal-istabilità. Ma jistax ma jkunx ċar fuq min qed imexxi lil min, ma jistax jistaġna l-pajjiż, jew inkella ma jiġix investiment. “L-ewwel element ta’ Gvern li jwettaq huwa Gvern li jiggarantixxi l-istabilità u jien ċert li dan huwa l-Gvern li jista jiggarantixxi stabilità għal snin li ġejjin” qal Muscat.
Żied jgħid li mhux li titkellem jgħodd, imma li tagħmel. Fil-bidu tal-leġiżlatura, istituzzjonjiet Ewropej taw sentejn ċans lil Malta tqum fuq saqajha ekonomikament. Erba’ snin wara, minn pajjiż jgħidulna x’għandna nagħmlu, sirna pajjiż li nagħtu eżempju. Il-poplu jiftakar ċertu affarijiet, qal il-Prim Ministru, kemm affarijiet bħal xogħol infrastrutturali jsir fil-ħin, kemm is-servizz tas-saħħa u s-settur tal-enerġija raw qabżiet kbar għall-aħjar u kemm issa proġetti qed isiru fil-ħin.
Riżultati oħra qed jinġieb f’oqsma important, bħal per eżempju tnaqqis ta’ 15% fil-kawżi pendenti quddiem il-Qorti. Kwistjoni oħra solvuta hija r-rimi tal-iskart tal-industrija tal-bini. Il-liġi tal-koabitazzjoni daħlet fis-seħħ, wara ħafna snin ta’ kliem.
“Irridu nibqgħu pożittivi, għax aħna l-problemi nsolvhom” qal Joseph Muscat.
Osserva li ħaddieħor mhux hekk. Il-PN issa kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, billi ordna lill-kumpaniji tiegħu joħorġu invoices foloz biex jieħu flus mingħand kumpanija. Il-Prim Ministru appella biex Simon Busuttil jippubblika l-invoices u mhux issa jgħid li m’għandux fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali, biex tgħid xi tgħid il-Kummissjoni, Busuttil ikun jista’ jiskreditaha. Kuntrarju għal din l-attitudni, din l-amministrazzjoni mhix hekk. Per eżempju ttieħdu żewġ siġġijiet lill-Partit Laburista fil-Parlament, iżda ma saret ebda xenata.
Il-Prim Ministru awgura l-Għid it-tajjeb lill-familji Maltin u semma żewġ appuntamenti importanti; il-konferenza ġenerali tal-Partit u l-Belt nhar l-ewwel ta’ Mejju, fejn se ssir attività li tikkonferma li dan huwa l-moviment tal-poplu.