Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li l-iskema ta’ Stabbiltà, li fissret roħs ta’ 15% u stabbiltà fil-prezz ta’ aktar minn 400 prodott tal-ikel essenzjali, ineħħiha.
Dan iddikjarah is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fil-programm Vi jew Va meta intervistat mill-ġurnalist Albert Gauci Cunningham.
Ġurnalist:“Imma din tal-Istabbiltà titneħħa?”
Piccinino: “Tiġi replaced bi pjan ħolistiku.”
Ġurnalist: “Titneħħa?”
Piccinino: “Tiġi replaced bi pjan ħolistiku.”
Ġurnalist: “Sewwa jiġifieri qed tweġibni, intom ma taqblux magħha.”
Kliem Piccinino, ċar daqs il-kristall, jiġifieri li l-iskema tiġi replaced, allura titneħħa, kien kollu miżgħud b’attakki għal din l-iskema.
“Fuq l-iskema stabbiltà jew instabbiltà nsomma.”
Dwar it-tielet patt soċjali ta’ Gvern immexxi minn Robert Abela, fejn sar ftehim mal-importaturi u s-sidien tas-supermarkets u l-ħwienet għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel, li wassal biex ir-rata ta’ inflazzjoni bdiet nieżla partikolarment fuq l-ikel, il-Partit Nazzjonalista ilu li beda jattakka l-inizjattiva.
Bernard Grech qal li dan kollu tfarfir taż-żebgħa.
“Qed jipprova jikkumbatti l-problema tal-umdità ġod-dar. Ineħħi t-tfarfir taż-żebgħa u jerġa’ jiżbogħ fuqu. Hekk qed jagħmel il-Gvern.”
“U hekk jagħmel dan il-Gvern, ikollu ż-żebgħa qed tfarfar, għax qed tagħmel l-umdità u jiżbogħ fuqha.”
Fuq l-inizjattiva ta’ Stabbiltà kien tkellem ukoll ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar.
Cassar, eks kandidat Nazzjonalista, kien qal li l-ikel bi prezz stabbli parti mill-inizjattiva ta’ ‘Stabbiltà’ iqabbdek l-iskorbut, marda tas-Seklu 18.