Fil-marġini tat-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNGA) fi New York, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-Minisru tal-Affarijiet, Koperazzjoni, u Komunitajiet Barranin tar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe Urbino Botelho, iffirmaw il-protokoll li jistabbilixxi r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. São Tomé u Príncipe kien wieħed mill-ftit pajjiżi li Malta għad m’għandhiex relazzjonijiet diplomatiċi magħhom.
“Dan il-pass ’il quddiem huwa konformi mal-interess dejjem jikber ta’ Malta fl-Afrika, u jiftaħ possibbiltajiet ġodda għall-benefiċċju taż-żewġ pajjiżi u taż-żewġ popli”, ikkummenta l-Ministru Abela. Qabel iċ-ċerimonja tal-iffirmar, saret laqgħa bilaterali li fiha ż-żewġ ministri tħaddtu dwar temi ta’ interess komuni għal stati gżejjer żgħar, fosthom it-tibdil fil-klima. Tkellmu wkoll dwar il-kandidatura ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NM għas-snin 2023-24.
Nhar it-Tnejn, l-24 ta’ Settembru 2018, il-Ministru Abela ngħaqad mal-Prim Ministru Joseph Muscat għal laqgħa tal-livell għoli organizzata u sponsorjata mill-Istati Uniti, bit-tema ‘Appell Globali għal Azzjoni fuq il-Problema tad-Drogi fid-Dinja’, kif ukoll għal Laqgħa Għolja għall-Paċi f’Ġieħ Nelson Mandela, li saret fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid tal-għelm dinji tar-reżistenza kontra l-politika tal-apartheid u l-ewwel president iswed tal-Afrika t’Isfel.
Fi New York, il-Ministru attenda wkoll laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, li ppresedietha r-Rappreżentant Għolja tal-Unjoni għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Federica Mogherini, bl-aġenda tiffoka fuq il-Libja u s-Sirja. Il-Mibgħutin Speċjali tan-NM għal-Libja u s-Sirja, Ghassan Salamé u Staffan de Mistura rispettivament, ħadu sehem fil-laqgħa. Filwaqt li rriaffermaw l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-Mibgħutin Speċjali tan-NM, il-Ministri tal-UE saħqu fuq il-ħtieġa li l-proċess politiku fiż-żewġ pajjiżi jingħata l-ħajja mill-ġdid sabiex fir-reġjun tal-Mediterran jerġgħu jsaltnu l-istabbiltà u s-sigurtà.
Il-programm tal-Ministru Abela kien jinkludi wkoll avveniment speċjali li matulu ġiet varata uffiċjalment l-Istrateġija tan-NM għaż-Żgħażagħ bl-isem ‘Naħdmu maż-Żgħażagħ u Għalihom’, magħrufa wkoll bħala Youth 2030, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tan-NM, António Guterres, u tal-Mibgħuta tiegħu għaż-Żgħażagħ, Jayathma Wickramanayake.