BirdLife Malta qed issejjaħ lill-federazzjoni tal-kaċċaturi biex tħares ’il quddiem u tingħaqad magħha biex flimkien jipproteġu l-għasafar.
Fi stqarrija qalet li ż-żjara taċ-Ċinji f’Malta wriet li l-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin japprezzaw in-natura u jridu jgawduha mingħajr ma b’xi mod jagħmlulha l-ħsara. BirdLife Malta tinnota li anke nies li s-soltu joħorġu għall-kaċċa f’dan il-każ apprezzaw is-sbuħija naturali tal-għasafar ħajjin. Dan jista’ biss jawgura tajjeb għall-interess komuni ta’ pajjiżna. Filwaqt li hija xi ħaġa minn ewl id-dinja li n-nies iridu jitimgħu liċ-Ċinji, BirdLife Malta riedet tenfasizza r-riskji marbutin ma’ dan u li l-ħobż għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun.
Bl-għajnuna u l-assistenza professjonali tal-veterinarju tad-WBRU, ġiet stabbilita proċedura biex iċ-Ċinji jingħataw l-ikel u li għandha tgħinhom biex jerġgħu jieħdu saħħithom u jtellgħu biżżejjed enerġija biex ikunu f’pożizzjoni li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. Eventwalment il-kwantità tal-ikel li qed jingħataw tibda titnaqqas bil-mod il-mod bl-iskop li l-għasafar jiġu stimulati jfittxu postijiet oħra fejn jieklu u possibbilment ikomplu jpassu. Dan l-intervent kien meħtieġ biss għax il-gżejjer tagħna ma jipprovdux il-ħabitat ideali għal tajr bħal dan. Sadanittant, il-ferħ li kien iżolat għalih waħdu, issa jinsab lura mal-kumplament taċ-Ċinji.