Id-direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard avża li għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex ikun assigurat li s-sistemi tal-ilma huma siguri biex jipprevjenu r-riskju tal-infezzjonijiet li jiġu mill-ilma bħalma hi l-Leġjonella.
Jekk il-provvista tal-ilma ġejja dirett mill-main, huwa biżżejjed li jinfetħu l-viti kollha l-ilma għal ftit minuti.
Jekk il-provvista tal-ilma ġejja mit-tank ta’ fuq il-bejt, din għandha titnaddaf u s-sistema tal-ilma għandha titħalla tgħaddi għall-ftit minuti.
Huwa importanti li t-temperatura tat-tagħmir li jsaħħan l-ilma (il-water heater) tittella’ għal 60 grad Celcius u għalhekk ma jkunx hemm il-bżonn li tieħu kampjuni u tingħata l-approvazzjoni tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.
Id-direttorat qal li jekk il-ħanut jagħmel parti minn kumpless jew lukanda u l-provvista tal-ilma ġejja mis-sistema tal-ilma tagħhom, wieħed huwa mitlub isegwi l-proċeduri mniżżla fil-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-ħwienet tax-xagħar, għall-barbiera u għal tad-dwiefer fuq is-sit elettroniku www.covid19health.gov.mt