Lejliet il-ġurnata ddedikata lid-Duluri, proprju sebat ijiem qabel Jum il-Ġimgħa l-Kbira, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija se tippreżenta kunċert bl-isem ‘Stabat Mater’.
Kif jixhed l-isem, dan se jkun kunċert ta’ mużika sagra, addattata għal dawn iż-żminijiet mill-pinna ta’ wħud mill-akbar kompożituri internazzjonali u wkoll Maltin.
Fil-fatt, fil-kunċert se jiġu esegwiti 11-il silta mużikali b’kompozizzjoni ta’ Luigi Cherubini, Giovanni Battista Pergolesi, Wolfgang Amadeus Mozart, Guiseppe Verdi, Gioachino Rossini, Gregorio Allegri, Gabriel Faure, kif ukoll xogħlijiet mill-kompozituri Maltin Vincenzo Caruana Spiteri u Ray Sciberras.
Dan il-kunċert se jkun qiegħed isir ukoll f’sena li fiha l-Għaqda Mużikali Sant Andrija qed tfakkar il-140 sena mit-twaqqif tagħha.
Il-Banda Sant Andrija se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha, Mro Michael Pulis. Flimkien mal-banda, se jieħdu sehem is-sopran Claire Caruana, l-alto Graziella Debattista, it-tenur Alan Sciberras, il-baxx Alfred Camilleri, il-klarinettista Christopher M. Camilleri, flimkien mal-kor Cappella Musicale Caeciliana.
Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn.