Il-baħar ċar kristall fil-pixxina naturali ta’ St. Peter’s Pool f’Delimara qed jiġbed ’l għajn ta’ bosta, speċjalment turisti, biex illum –il ġurnata din il-bajja qed tkun mogħnija bin-nies.
Forsi qabel is-sajf li għadda ftit kienu dawk li jafu biha, iżda filmat li xxerred online ta’ qabża ta’ kelba sinkronizzata ma’ dik ta’ sidha ġibed l-attenzjoni u l-ammirazzjoni ta’ bosta, u żgur li ta promozzjoni kbira u ta’ bla ħsieb lil pajjiżna.
Il-filmat ta’ Titty taqbeż minn fuq l-irdumijiet fiż-żona pittoreska f’Delimara xxandar fuq bosta siti elettroniċi tal-aħbarijiet fuq il-midja soċjali, u saħansitra sab postu wkoll fuq il-BBC.
Interessanti l-fatt li l-maġġoranza tal-kummenti fuq din il-bajja fuq is-sit popolari tal-ivjaġġar TripAdvisor, saru wara s-sajf tal-elfejn u ħmistax. Xi ħaġa li tikkonferma kif din il-kelba tat kontribut siewi biex din il-bajja saret aktar magħrufa.
U kif jgħid il-Malti, l-għajta nofs il-bejgħ.
Kull min żar din il-bajja fl-aħħar xhur, qed ixerred il-kelma; kif ikkonfermaw turisti stess li ltqajna magħhom biswit l-ilma ċar kristall ta’ din il-bajja. Għalkemm forsi mhux l-iktar bajja aċċessibbli u faċli biex tasal għaliha, żgur li fil-mument li tirfes fuqha tkun dieħel għal esperjenza indimentikabbli.
Esperjenza li tibqa’ ttimbrata fil-memorja ta’ kull min iżur din iż-żona pittoreska fin-naħa t’isfel ta’ Malta.