SR Technics Malta Ltd bidlet isimha għal EasyJet Engineering Malta wara li fl-aħħar ġimgħat ġie ffirmat ftehim biex l-istess kumpanija tinxtara minn easyJet.
Dan il-ftehim ġie approvat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, f’Mejju li għadda.
SR Technics inizjalment kienet isservi bħala dipartiment tekniku ta’ dik li kienet is-Swiss Air.
EasyJet, li hi s-sitt l-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa, għandha flotta ta’ 343 ajruplan u topera aktar minn elf rotta lejn 158 ajruport f’35 pajjiż differenti.
Minbarra l-EasyJet, l-akbar żewġ linja tal-ajru fl-Ewropa, jiġifieri r-Ryanair u l-Lufthansa wkoll għandhom bażijiet fostna ddedikati għall-manutenzjoni, it-tiswija u l-ispezzjonijiet tal-flotot vasti tagħhom.