Carmelo Ciranna, Sqalli ta’ 41 sena li jgħix Ħal Qormi, qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat li seraq oġġetti b’valur ta’ madwar mitt elf ewro.
Is-serqiet allegatament jammontaw għal disgħa u saru bejn Diċembru u Jannar. L-Isqalli – li ma jaħdimx u għandu l-vizzju tad-droga, kien akkużat b’serq ta’ ġojelli, arloġġi, apparat elettroniku u flus kontanti fost l-oħrajn, u allegatament seraqhom minn djar f’lokalitajiet differenti madwar Malta, u minn pompa tal-petrol f’Ħal Qormi.
Il-Pulizija qed tinvestiga persuni oħra li wkoll setgħu kienu nvoluti fl-istess reati mal-akkużat. Il-każ ġie differit għal Marzu, u sadanittant l-akkużat – li ntqal li qed jikkopera mal-Pulizija, baqa’ jinżamm arrestat biex jirċievi l-kura li għandu bżonn.