Minn tal-inqas żewġ sptarijiet fil-kapitali Indjana, Delhi, spiċċaw mingħajr ossiġnu fost il-kaos li qed tħalli l-pandemija tal-COVID-19 fuq il-qasam tas-saħħa.
Kawża ta’ dan, bosta nies mietu waqt li kienu qed jistennew li jingħatalhom l-ossiġnu. Il-maġġoranza tas-sodod fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptarijiet ġo Delhi huma mimlija, tant li kien hemm mumenti fejn żewġ pazjenti kienu qed jaqsmu sodda bejniethom.
L-Indja bħalissa tinsab fi kriżi biex tikontrolla n-numri allarmanti tal-infezzjonijiet tal-Coronavirus, u l-Ħamis ġie rrapportat rekord ta’ infezzjonijiet ġodda.
Fl-istess ħin 13-il pazjent li kienu rikoverati fit-taqsima tal-kura intensiva mietu hekk kif sptar qrib Mumbai nħakem min-nar. Għadu mhux magħruf xi kkawża n-nirien, filwaqt li nħatret inkejsta dwar dan l-inċident.