F’konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Isptar Monte Karmeli, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta ħarsa dettaljata lejn ir-rakkomondazzjonijiet li ta l-Awditur Ġenerali fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika l-ġimgħa li għaddiet b’ħarsa strateġika lejn l-istess sptar.
Fearne laqa’ r-rapport tal-Awditur Ġenerali għaliex fi kliemu jikkonferma u jagħti kredibbilità lill-pjan li qed jaħdem fuqu dan il-Gvern. Innota li r-rapport fetaħ billi rrimarka li l-problemi fl-Isptar Monte Karmeli ilhom ġejjin snin twal, u rriżultaw minħabba nuqqas t’attenzjoni ta’ Gvernijiet preċedenti. Il-Ministru għas-Saħħa qal li l-punt tat-tluq biex issolvi problema hija li taċċettaha, tkejjilha u ssibilha soluzzjoni, u dan huwa dak li l-Gvern qed jagħmel.
Ir-rapport jidentifika sitt problemi:
- Problemi strutturali f’binja ta’ 150 sena
- Problemi ta’ sigurtà
- Nuqqas ta’ riżorsi umani
- Bżonn ta’ pjan strateġiku, ħolistiku u fit-tul
- Min jista’ jkun fl-isptar, u min le
- Ħtieġa kbira ta’ kura fil-komunità
Fearne fakkar kif il-Gvern qed jaħdem fuq pjan strateġiku ta’ 10 snin għal bejn l-2020 u l-2030. Hawnhekk ħabbar li draft tal-pjan mistenni jkun disponibbli sal-aħħar ta’ Settembru biex wara diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati, f’Novembru ssir konferenza nazzjonali dwar l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali. Minn hemmhekk jibqgħu għaddejjin it-taħdidiet ħalli l-pjan ikun varat fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Meta tkellem fuq il-pjan – li x-xogħol fuqu diġà beda, il-Ministru Fearne qal li l-istess pjan huwa msejjes fuq tliet pilastri.
- Il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità
- Sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali
- Refurbishment f’Monte Karmeli Dwar il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità,
Fearne qal li jridu jiżdiedu ċ-ċentri ta’ matul il-jum fl-istess waqt li tiżdied is-sinerġija bejn it-tobba tal-familja u l-Gvern. Hawnhekk ħabbar li t-tobba tal-komunità mhux biss bdew jingħataw taħriġ dwar il-kura tas-saħħa mentali, iżda fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għal għaqdiet mhux governattivi biex flimkien joffru servizz ta’ saħħa fil-komunità. Il-Ministru ħabbar ukoll li bħalissa għaddej xogħol mad-Dipartiment tal-Artijiet dwar art li ġiet identifikata biswit Mater Dei biex fuqha jinbena sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali.
Sptar li se jkollu 100 sodda, faċilitajiet moderni, u outpatients. Dwar il-bżonn ta’ refurbishment fl-Isptar Monte Karmeli, Dr. Fearne qal li hemm bżonn ta’ iżjed sigurtà, fejn għaddej xogħol fuq numru ta’ swali biex ikun assigurat li ma jkunx hemm riskju għall-pazjenti, viżitaturi u ħaddiema.
Hawnhekk ħabbar ukoll li qed issir kategorazzizzazzjoni biex jiġu identifikati pazjenti li jistgħu joħorġu u jieħu l-kura f’faċilità oħra ħalli dawn imorru f’binja li tilqa’ fiha mal-mija u ħamsin pazjent u jitbattlu tliet swali minn Monte Karmeli biex isir refurbishment fihom. Dan kollu se jfisser li l-pazjenti mhux biss se jirċievu servizz ta’ saħħa aħjar, imma jingħataw dan f’ambjent isbaħ u f’sitwazzjoni iktar koljenti