Sprayer tal-karozzi tressaq il-Qorti akkużat li biegħ karozza li ġie fdat biha biex isewwi.
Charles Abela, ta’ 44 sena mill-Mellieħa, wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ miżapproprijazzjoni tal-karozza u li ffroda lil sidha u anki lil min xtraha.
L-Ispettur Ian Vella spjega fil-Qorti kif il-Pulizija rċeviet rapport mingħand is-sid tal-karozza, li l-karozza tiegħu nbiegħet mir-raġel li suppost, kellu jsewwiha.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, li argumentat li din mhix l-ewwel darba li l-akkużat wettaq dan it-tip ta’ reat.
Fil-fatt, l-ispettur qal li kien hemm minn tal-inqas tliet kundanni oħra ta’ frodi fil-konfront tal-akkużat, li juru li ma jistax jiġi fdat.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €3,000.
Huwa ġie ordnat biex ma jitkellimx max-xhieda fil-każ, u biex jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.