Il-pjattaforma Spotify temmet il-ftehim tagħha mad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, liema ftehim kellu jwassal biex il-koppja tipproduċi podcasts.
Dikjarazzjoni konġunta minn Harry u Meghan u l-ġgant tal-istreaming qalet li ż-żewġ partijiet “qablu b’mod reċiproku li jinfirdu”.
Spotify ikkonfermat li mhux se ġġedded il-podcast Archetypes ta’ Meghan, li damet għaddejja għal 12-il episodju minn Awwissu 2022.
Il-kuntratt kien stmat li jiswa 23 miljun ewro lejn l-aħħar tal-2020.
Il-ftehim tal-podcast kien wieħed mill-ftehimiet kummerċjali ewlenin li l-koppja daħlet fihom wara li rrinunzjaw id-dmirijiet rjali u rrilokaw fl-Istati Uniti fl-2020.
Meta tħabbret is-sensiela ta’ podcasts lejn l-aħħar tal-2020, il-prinċep qal li x-xandiriet kienu se jwasslu perspettivi u vuċijiet differenti li ma nstemawx qabel.