SportMalta ħabbret it-tmintax-il edizzjoni tal-programm ‘Summer On The Move’ li se jkun qed jiġi offrut bejn Lulju u Settembru li ġej.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet fil-kumpless sportiv fil-Kottonera fejn intqal li kull attività se tkun qed issir b’konformità mal-miżuri tas-saħħa.
Il-Kap tal-Programmi Sportivi fi ħdan SportMalta, Robert Portelli, qal li sa issa applikaw għal dan il-programm iżjed minn elf u ħames mitt persuna, fosthom tfal, li se jkollhom l-opportunità li jipprattikaw ħamsa u tletin dixxiplina sportiva differenti.
Portelli saħaq li dawn l-attivitajiet differenti se jkunu qed jiġu offruti fid-diversi ċentri li għandhom SportMalta madwar il-gżejjer Maltin.
“Għandna dawk li huma ta’ filgħaxija li huma sport speċifiċi jiġifieri dak li huwa basketball, ġinnastika, għawm u l-proġramm ta’ filgħodu huwa programm li huwa pjuttost iktar intensiv. Għandna sessjonijiet li jdumu bejn tlieta u sitt sigħat kuljum u fihom ikun hemm sport varjat kif ukoll f’ħafna mill-faċilitajiet tagħna għandna wkoll l-għawm”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil appella sabiex iżjed ġenituri jressqu lit-tfal tagħhom eqreb tal-ħajja sportiva filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal li SportMalta toffri madwar erbat elef u mitejn sessjoni sportiva fil-ġimgħa.
Qal li l-gvern huwa impenjat li jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna permezz ta’ iktar investiment dirett fl-atletli Maltin.
“Bil-għan propju li naraw li l-kultura sportiva u l-attività fiżika ġewwa pajjiżna tkun waħda ħajja minkejja li għaddejjin minn żmien li huwa partikolari u fuq kollox nassiguraw li jkollok propju attività fiżika marbuta ma’ dik li hija l-popolazzjoni Maltija inġenerali”