SportMalta, l-entità governattiva għall-isport, rebħet l-unur ta’ BeActive Workplace waqt ċerimonja li saret fil-belt kapitali tal-Ungerija, Budapest. L-unur ġie ppreżentat mill-Kumissarju Ewropej għall-Edukazzjoni, Sport u Kultura Tibor Navrascics. Il-proġett Malti kien iffukkat fuq l-inattività fuq il-post tax-xogħol, bi SportMalta jippreżenta pjan ta’ azzjoni u konkrett sabiex il-ħaddiema tiegħu ikunu aktar attivi. Barra minn sport varju, milgħub fil-hin tax-xogħol, SportMalta għamlet serje ta’ inizzjattivi għall-ħaddiema fi ħdanha biex jgħixu ħajja iktar attiva u b’saħħitha.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan l-unur ipoġġi lil Malta fuq nett ukoll fl-amministrazzjoni sportiva. Huwa qal li l-profil ta’ SportMalta huwa wieħed għoli immens barra l-pajjiż u dan l-unur ikompli jikkonferma li Malta tista’, għalkemm żgħira. tkun l-aqwa fl-Ewropa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-entità għandha tkun ta’ eżempju għal daqk l-kumpaniji kollha li għandhom numru kbir ta’ ħaddiema jpoġġu bilqiegħda għal sigħat twal. Huwa qal li jinsab kuntent li SportMalta qed tagħti eżempju u lesta biex issa tibda twassal il-messaġġ ta’ dan il-proġett lill-oħrajn. Huwa rringrazzja lil koordinaturi tal-proġett Rose Marie Mercieca li mexxiet tim ta’ nies li fasslu u ħadmu sabiex il-proġett ikun wieħed interessanti.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil feraħ lill-ħaddiema għal dan l-unur. Huwa qal li faċli titkellem fuq inattività, iżda SportMalta marret oltre. L-entità tat eżempju u dan l-eżempju ġie rikonoxxut mill-Kumissjoni Ewropea.
Din kienet il-ħames edizzjoni ta’ dan l-unur u li għalih kien hemm 45 nomina li finalment ġurija apposta għażlet 3 finalisti. Flimkien ma’ SportMalta, kien hemm ukoll l-Ungerija kif ukoll l-Estonja.
Il-proġett tal-entità kien imfaħħar mill-ġurija tant li f’kummenti waqt iċ-ċerimonja huma qalu li tant kien hemm livell għoli ta’ proġetti mitfugħa li deja kien tajjeb li tasal sal-finali u għalhekk li tirbaħ hija xi ħaġa eċċezzjonali.