SportMalta għaddiet l-art tal-pixxina tal-waterpolo tal-Belt Valletta lill-Valletta United Waterpolo Club b’ċens ta’ 49 sena fejn se jsir investiment ta’ madwar €2.5 miljun.
Din il-pixxina, li għal għadd ta’ snin saru fiha mijiet ta’ partiti, se tkun qed tingħata l-ħajja mill-ġdid. Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dan it-trasferiment juri li l-gvern qed ikompli jwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu. “Aħna qegħdin naraw li parti oħra mill-Belt Valletta, li kienet mitluqa u esposta għal numru ta’ abbużi, illum il-ġurnata se tkun tista’ tiġi żviluppata. Grazzi għal dan it-trasferiment, il-Belt kapitali se jkollha pixxina kif jixirqilha biex tħarreġ lill-players tagħha. Din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern se jkun qed jieħu biex naraw lill-clubs Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija”.
Permezz ta’ dan l-investiment il-players tal-club tal-waterpolo tal-Belt Valletta se jkollhom post xieraq fejn jitħarrġu, u wkoll se tingħata iktar ħajja lin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta. L-investiment, fost oħrajn, se jkun jinkludi pixxina ġdida tal-ilma ħelu li se tkun imsaħħna, ristorant, u faċilitajiet ta’ dressing rooms.