Il-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar irċeviet apparat mingħand SportMalta u l-Ministeru responsabbli mill-qasam sportiv f’pajjiżna.
Dawn it-tmien bagi awotmatiċi huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija u jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tat-tlielaq tal-ibburdjar u r-regatti.
Ingħataw ukoll erba’ offshore coaching ribs li se jgħinu fit-tagħlim, li issa jista’ jingħata b’mod aktar professjonali biex ikompli jogħla l-livell ta’ dawn id-dixxiplini. Dawn se jgħaddu għand il-membri tal-federazzjoni; Birżebbuġa Sailing Club, Malta Young Sailors Club, Royal Malta Yacht Club u Vikings Sailing Club.
Il-President tal-Federazzjoni tal-Ibburdjar, Michael Mifsud nnota kif dan l-investiment se jagħmilha possibbli biex jiġu ospitati avvenimenti ta’ livell għoli.
“Bħala l-President tal-Malta Sailing Federation, naprezzaw ħafna dan l-investiment illi se jbiddel il-logħba tagħna, li issa ġiet iktar aċċessibli li nagħmlu t-tlielaq b’mod professjonali u nkunu nistgħu nospitaw dawn it-tip ta’ events internazzjonali b’livell għoli.”
Il-Ministru responsabbli mill-qasam sportiv, Clifton Grima irrimarka kif din l-għotja tissimbolizza l-legat li ħallew warajhom il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
“Meta wieħed jitkellem dwar il-legat tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar huwa propju qed ngħixuh illum fejn b’mod uffiċjali permezz tal-involviment ta’ SportMalta u anke tal-NDSF illum rajna kif il-Federazzjoni responsabbli fost l-oħrajn mill-ibburjdar ibbenefikat mill-għojta ta’ dawn il-bagi u anki mill-għotja ta’ erba’ ribs.”