Neil Agius u Sue Abela huma l-isportivi tas-sena. Dan tħabbar waqt it-62 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali li ttellgħet f’lukanda ewlenija San Giljan is-sibt filgħaxija. Avveniment li ġie organizzat b’mod konġunt mill-Għaqda Ġurnalisti Sports u SportMalta. Apparti l-unur tal-isportiv tas-sena l-għawwiem Neil Agius rebaħ ukoll il-People’s Choice Award. Għal bowler Sue Abela din kienet is-sitt darba li rebħet l-unur tal-isportiva tas-sena.
Il-votazzjoni minn panel ta’ ġurnalisti li tefgħu l-vot tagħhom il-Ħamis bir-riżultat tal-votazzjoni sar magħruf fis-serata finali. Votazzjoni li saret fuq il-kisbiet li għamlu dawn l-atleti u uffiċjali matul is-sena 2021.
B’kollox kien hemm tmien kategoriji: Sportiv tas-Sena, Sportiva tas-Sena, Żagħżugħ tas-Sena, Żagħżugħa tas-Sena, Tim Tas-Sena, Uffiċjal tas-Sena, Kowċ tas-Sena u l- People’s Choice Award.
Dawn kienu r-rebbieħa kollha:
Sportiv tas-Sena / People’s Choice Award – Neil Agius (Open Water Swimming)
Fis-sajf li għadda għamel l-itwal għawma bla waqfien meta għamel rekord tad-dinja b’distanza ta’ 125.6km. Huwa għam minn Linosa sa Malta fi 52 siegħa.
Sportiva tas-Sena – Sue Abela (Bowling)
European Champion of Champions Cup Winner. Bronż fil-Masters u fidda fid-Doubles waqt il-Kampjonat tal-Mediterran. Champion Nazzjonali fil-kategoriji Open u Senior.
Atleta Żagħżugħ tas-Sena – Jeremy Żammit (Atletika)
Ġie fil-ħames post fl-U/20 European Championship. Fis-seba’ post fl-U/20 World Championship u irrenkjat bħala it-tieni l-aqwa Long Jumper U/18 fid-Dinja u l-ewwel fl-Ewropa.
Atleta Żagħżugħa tas-Sena – Tenishia Thornton (Weightlifting)
Irrenkjata fis-sitt post fl-IWF World Ranking. Midalja tal-Bronż fil-Commonwealth Senior Championships f’Tashkent minkejja li kienet l-iżgħar atleta fil-kompetizzjoni. Waqqfet ukoll żewġ rekords tal-Commonwealth fl-iSnatch u fit-total. L-aktar weightlifter irrenkjata f’Malta.
Team tas-Sena – It-team U15 tal-Waterpolo Irġiel
Spiċċaw fl-ewwel post fi Grupp C tal-kwalifikazzjoni għal-LEN European U/15 Championship. Fil-fażi finali fil-Portugall, Malta spiċċat fit-13-il post wara li rebħu lil Franza fil-playoff.
Coach tas-Sena – Anthony Farruġia (Waterpolo)
Coach tat-timijiet nazzjonali U/15 & U/17 tal-Irġiel u anke tal-U/17 tan-Nisa. Timijiet li kisbu suċċessi inkredibbli fil-Kampjonati Ewropej tal-LEN.
Uffiċjal tas-Sena – Bernard Vassallo (Basketball)
Referee tal-Eurobasket Women fi Franza fejn ikkontrolla erba’ logħbiet.
Ikkontrolla l-FIBA Small Countries Championship f’Ċipru.
Matul il-karriera ikkontrolla 496 logħba internazzjonali.
Matul is-serata ingħataw ukoll tliet rikonoxximenti speċjali.
Tnejn ingħataw lill-atleti ta’ Special Olympics Malta. Dawn kienu Rebecca Dalli bħala l-aħjar atleta femminili u Jake Gatt bħala l-aħjar atleta maskili.
Rikonoxximent ieħor kien dak tal-avveniment sportiv internazzjonali tas-sena. Dan mar għand l-ASA li f’Lulju tas-sena 2021 organizzat il-European Junior Artistic Championships b’partecipazzjoni sabiħa ta’ 228 atleta.
Fost il-mistednin tas-serata kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni l-Onorevoli Clifton Grima, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.
Magħhom ukoll l-ogħla uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u anki żewġ mistednin speċjali tas-serata li kienu l-Viċi President tal-AIPS (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Midja Sportiva) Iannis Daras u anki l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sportivi ta’ Ċipru Erodotos Miltiadous.