Attività b’għan nobbli mliet gym f’Raħal Ġdid bl-enerġija, fejn grupp ta’ dilettanti tal-isport, ħadu sehem f’kompetizzjoni li kienet tinvolvi sett ta’ eżerċizzji.
Fil-fatt, timijiet ta’ tlieta kkompetew f’seba’ eżerċizzji differenti li dwarhom spjegalna aktar s-sid tal-gym, Carlin Polidano.
Qal, “Għamilna seba’ challenges differenti, hemm minnhom min jiġri l-iktar distanza, min idum l-iktar imdendel, min jagħmel l-iktar repetitions, challenge għal kulħadd u jridu jaħdmu bħala tim biex ikunu jistgħu jlestuha, u min jirbaħ ħriġna xi rigali biex inkunu nistgħu nrebbħuhom biex ikollhom inċentiv jippushjaw dik in-naqra iktar.”
Bejn sfida u oħra, tkellimna ma’ Joseph Cassar, wieħed fost dawk li ħadu sehem f’din l-attività.
Qal, “Huwa avveniment li nkun qed nistennieh minn sena għal sena, din hija t-tielet sena tiegħi li qed nieħu sehem fih, apparti li huwa għall-karità li hija xi ħaġa b’għan nobbli wkoll, anki għalija wara sena nitrenja, inkun nista’ nkejjel fiex wasalt fl-aħħar tas-sena. Huwa xi ħaġa wkoll li ningħaqdu bħala tim, nieħdu pjaċir flimkien, tkun avveniment ta’ qabel il-festi tal-Milied.”
Daniel Cassar fissrilna l-ħsieb wara s-sehem tiegħu f’din il-kompetizzjoni.
Stqarr, “Primarjament biex tagħti xi ħaġa lura lill-komunità lill-Istrina f’dal-każ u biex tara fiex qiegħed inti fl-eżerċizzju fiżiku.”
Fl-isfond tal-attività għaddejja minn bosta sportivi, tkellimna ma’ Carlin Polidano dwar kemm hu importanti li f’dawn il-ġranet, sinonimi mal-ikel u l-festini, isir aktar eżerċizzju.
Qal, “L-eżerċizzju huwa dejjem importanti però f’dawn iż-żminijiet, kulħadd jaf li nispiċċaw nieklu iktar kaloriji iktar mis-soltu minħabba l-festini li jkun hawn, u hija iktar importanti li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u naħarqu dak li nkunu qed nieklu għax inkella ntellgħu piż żejjed li ħa jaffettwalna saħħitna.”
Il-flus miġbura minn din l-attività, marru b’risq l-Istrina.