Rapport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika irrikonoxxa li Sport Malta wettqet b’suċċess il-proġett tax-shooting range f’ta’ Kandja fi żmien qasir sabiex Malta tkun tista’ tilqa’ t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar. F’dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, ġie ċċertifikat li bir-riżorsi limitati u l-ħin li Sport Malta kellha għad-diżpożizzjoni tagħha fit-twettiq ta’ dan il-proġett sportiv, xorta waħda wettqet xogħol ta’ livell għoli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima innota kif ir-rapport jirrikonoxxi li l-proġett seħħ permezz ta’ sejħiet pubbliċi li kienu nħarġu anki permezz ta’ sistema ta’ sejħa pubblika li fiha t-tenders daħlu b’mod elettroniku.
Filwaqt li spjega kif minnu nnifsu l-fatt li pajjiżna rnexxielu jilqa’ b’suċċess it-tazza tad-dinja tal-isparar, huwa evidenza tas-suċċess, stqarr li l-istimi ma sarux minn Sport Malta.
“Punt ieħor importanti li joħroġ anke l-istess rapport tal-Awditur Ġenerali kien il-fatt li ma kinitx Sport Malta li għamlet il-kejl u l-istimi marbuta ma’ dan il-proġett imma kienu terzi li għamlu dan l-istess kejl u stimi u dan jassigura li l-proċess sar b’mod trasparenti, b’mod indipendenti minn kwalunkwe influwenza li seta’ wieħed ikollu.”
Huwa stqarr li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jibni fuq din il-kisba u jaħdem permezz tal-istrateġija Nazzjonali għall-Isport sabiex Malta ssir pajjiż li jattira avvenimenti sportivi ta’ kwalità u b’hekk issir destinazzjoni sportiva fuq livell internazzjonali.