Ftehim iffirmat mid-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Università ta’ Malta, u l-Malta Insurance Association (MIA) se jwassal għal sosten finanzjarju tal-attivitajiet kurrikulari tad-Dipartiment mill-MIA. Dan se jsir fuq sentejn. Il-ftehim ġie ffirmat mir-Rettur, il-Professur Alfred Vella f’isem l-Università u d-Direttur Ġenerali tal-Malta Insurance Association, Adrian J. Galea.
L-MIA tirrappreżenta l-interessi ta’ kumpaniji u aġenziji tal-assigurazzjoni indiġeni bi priċipali barranin. L-isponsorship se jippermetti lid-Dipartiment ikompli jipprovdi korsijiet fl-assigurazzjoni, jinvolvu akkademiċi minn barra l-pajjiż u anki jorganizza seminars.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qal li l-iffirmar ta’ ftehim bħal dan jirrifletti l-istandards għoljin tas-Servizzi Finanzjarji, u b’mod partikolari tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni, li Malta rnexxielha tilħaq tul is-snin. Bħala wieħed mill-pilastri, is-Servizz tal-Assigurazzjoni f;Malta kibru b’mod tal-għaġeb u d-domanda għal speċjalisti u prattikanti kkwalifikati fil-qasam tal-assigurazzjoni qiegħda dejjem tkun akbar mill-provvista. Apparti mill-prospetti ta’ karriera li qed joffru l-membri tal-MIA, Malta esperjenzat ukoll tkabbir importanti fil-mod kif tattira atturi barranin lil jagħżlu lil gżiritna bħala l-fulkru tal-operat tagħhom.
Huwa u jitkellem, il-President tal-MIA Julian Mamo, irrimarka li l-industrija tista’ tirnexxi u tkompli tikber biss jekk din issostni l-isforzi tad-Dipartiment u jekk jiġu investiti l-flus bil-għan li jiġu żviluppati l-ħiliet li tant huma meħtieġa. Apparti mill-karrieri tradizzjonali li wieħed normalment jassoċja mal-korsijiet dwar l-istudji tal-assigurazzjoni, kwalifika speċjalizzata tiftaħ ukoll bibien ġodda, li wieħed ma jkunx ħaseb fihom qabel. Il-firxa wiesgħa ta’ kwalifiki li jeżistu tippermetti lill-istudenti jikkunsidraw karriera fl-assigurazzjoni, tagħtihom l-opportunità li jispeċjalizzaw, u jkomplu javvanzaw f’industrija dinamika u dejjem tikber.
Il-Professur Vella rringrazzja lill-MIA u lill-membri tagħha għas-sostenn kontinwu li din tagħti lid-Dipartiment tal-Assigurazzjoni. Qal li l-eżistenza ta’ dan is-sostenn finanzjarju kien fundamentali għas-suċċess ta’ dan id-Dipartiment u tal-istudenti li xtaqu jaqbdu karriera fil-qasam tal-Assigurazzjoni, tal-Immaniġjar tar-Riskji u ta’ dixxiplini relatati oħrajn.