Ftit tal-ħin ilu, żewġ irġiel indarbu wara splużjoni fil-Marsa, li aktarx kienet ikkawżata minn ħruġ ta’ gass fir-residenza li kienu fiha. Iż-żewġt irġiel ma jinsabux fil-periklu tal-mewt iżda n-natura tal-ġrieħi li ġarrbu għadha mhijiex magħrufa.
Mill-ewwel informazzjoni jidher li r-raġel huwa ta’ nazzjonalità barranija. Il-każ seħħ fi Triq Azzopardi il-Marsa.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jidher li waqt li tliet persuni ta’ nazzjonalità barranija kienu qegħdin ħdejn cooker għal xi raġuni seħħet blast li darbet żewġt irġiel. Kawża tal-ġrieħi li ġarrbu huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Wieħed mill-persuni ġie identifikat bħala raġel li għandu 32 sena mwieled il-Guinea, filwaqt li l-identita’ tar-raġel l-ieħor għadha ma ġietx stabbilità.
Nies li kienu fuq il-post qalu li nħasdu meta semgħu l-ispluzjoni, u fi ftit tal-minuti kienu bosta l-ġirien li ħargu fit-triq biex jaraw x’ġara. Fuq il-post waslu wkoll membri mill-Protezzjoni Ċivili biex jassistu matul din l-operazzjoni.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun għadhom għaddejjin.