Jgħidu li wieħed mill-isbaħ rigali li bniedem jista’ jagħti lil bniedem ieħor huwa ħinu. U huwa proprju dan ir-rigal li l-uffiċjali pubbliċi qed jagħtu kull sena u li qed ikabbruh drastikament fil-volum minn sena għal oħra.
Is-Servizz Pubbliku jagħti l-opportunità lill-uffiċjali pubbliċi li jagħtu volontarjament parti mil-leave tagħhom lill-kollegi li jkollhom bżonn leave fit-tul minħabba mard. Dan jistgħu jagħmluh billi jagħmlu għotja ta’ sigħat ġo fond apposta jew inkella billi jagħżlu li jagħtu numru ta’ sigħat lil xi individwu speċifiku.
Din is-sena t-total milħuq huwa ta’ xejn inqas minn 48,625 siegħa. Żieda fenomenali wara li fl-2014 ingħataw 12,179 siegħa leave u fl-2015 ingħataw 17,232 siegħa.
Fuq quddiem nett fil-lista tas-sigħat mogħtija din is-sena skont il-ministeri rispettivi, kien l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Mary Scicluna, Direttur tar-Riżorsi Umani fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qalet li l-uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt dan il-ministeru u huma involuto ilaħħqu għal aktar minn 9,000 ruħ. Ħafna minnhom huma għalliema, b’27 siegħa u nofs biss ta’ leave kull sena, u għalhekk l-għoti ta’ leave mingħandhom jispikka aktar.
Scicluna spjegat li l-uffiċjali pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huma konxji ħafna tal-opportunità li jagħtu mil-leave tagħhom lil min hu fil-bżonn u jwettqu din l-opportunità fil-prattika s-sena kollha.
Hija semmitilna żewġ każijiet riċenti fejn dawn il-ħaddiema taw sigħat ta’ leave lil kollega tagħhom li spiss ma tkunx tiflaħ tmur għax-xogħol minħabba l-kundizzjoni li tbati biha, u lil kollega oħra li nstab li għandha kanċer tas-sider proprju waqt li kienu għaddejjin l-attivitajiet tal-Pink October biex tinħoloq kuxjenza dwar din il-marda.
“Inħossni kburija ħafna bil-membri tal-istaff,” qalet kienet ikkwotata tgħid Scicluna mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
“Għandhom qalb tassew kbira fejn tidħol l-għajnuna f’każijiet umanitarji.”