L-aħħar trust barometer tal-maltatoday ippubblikat dalgħodu ra lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, jissaħħaħ iktar b’żieda ta’ 11.7% fiduċja fost il-Maltin. Biex Joseph Muscat huwa fdat minn maġġoranza assoluta ta’ 52.7%. Differenza ta’ 32.5% meta mqabbel mal-20.2% li qalu li jafdaw lil Adrian Delia.
Taħt it-tilu Muscat’s trust rating shoots back up il-maltatoday tirrapporta li Muscat għandu l-vantaġġ fost l-etajiet kollha. Saħansitra Muscat igawdi l-maġġoranza tal-fiduċja fost dawk li vvotaw PN fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Dan b’differenza ta’ 8.9%.
Intant, il-Partit Laburista reġa’ saħħaħ il-vantaġġ bil-maltatoday tgħid li kieku ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni għada jgawdi minn vantaġġ ta’ 24%. Dan ifisser li fuq l-istħarriġ ta’ Frar il-PN naqqas fl-appoġġ. Saħansitra jingħad li jekk mill-istħarriġ wieħed janalizza lil dawk li ddikjaraw il-ħsieb tal-vot il-Partit Laburista jista’ jikseb maġġoranza ta’ 90,000 vot.
Maġġoranza li wieħed jistenna li ssir iktar realistika la jgħaddi ż-żmien hekk kif dan hu pajjiż fejn sa ftit tas-snin ilu elezzjoni kienet tintrebaħ b’1,500 vot.
Għalkemm f’dan l-istadju dan juri l-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista u jkompli jagħti n-nifs lil dawk li qed imexxu konfoffa biex ikun imminat jew jitneħħa Adrian Delia. Konfoffa li l-gazzetta KullĦadd qed tkompli tiżvela dettalji dwarha fil-ħarġa tal-lum.