Ħadd ma ndarab fi splużjoni li seħħet f’dar u li x’aktarx kienet kkawżata minn ċilindru tal-gass. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta u kwart tat-Tlieta filgħaxija fi Triq Dun Ġwann Cilia f’Ħal Qormi.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt minn fuq il-post, jidher li għal xi raġuni seħħet splużjoni fix-xaft fejn kienu miżmuma ċ-ċilindri tal-gass.
Kawża ta’ din l-isplużjoni li ħasdet diversi ġirien infetħu numru ta’ bibien u aperturi mis-sular ta’ fuq tar-residenza u tkebbes nar fil-garage. L-isplużjoni saħansitra qalgħet purtiera li spiċċat f’nofs it-triq.
Fost l-ewwel li waslu fuq il-post kienu l-Pulizija tar-Rapid u Special Intervention Unit li sabu kommossjoni kbira barra t-triq u evakwaw żona ta’ madwar ħamsin metru sabiex ikun evitat iżjed periklu.
Fil-frat temp waslu wkoll erba’ vetturi tat-tifi tan-nar, Fost il-pumpiera waslu wkoll membri mis-sezzjoni tal-HAZMAT li ċċekjaw id-dar għal-livelli għoljin ta’ gass li seta’ kien hemm. Il-pumpiera liebsin l-apparat kollu protettiv ikkontrollaw in-nar li laħaq ħa fis-sular t’isfel tad-dar u dehru joħorġu żewġ sufanijiet li laħqu nħakmu minn nirien.
Xhieda fuq il-post tal-inċident li tkellmu ma one.com.mt spjegaw kif sid ir-residenza kienet għand il-ġenituri tagħha x’ħin irċiviet telefonata mingħand il-ġirien li nfurmawha b’dak li kien għadu kif ġara. Viżibilment taħt xokk qawwi l-mara inagħtat l-ewwel għajnuna minn infermiera tal-emerġenza li waslet fuq il-post permezz ta’ ambulanza flimkien mat-tabib Dr Michael Spiteri.
Waqt l-operazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili, li kienet immexija mill-uffiċjal Anthony Pisani dehru jinħarġu wkoll żewġ ċilindri tal-gass li kienu fix-xaft b’wieħed minnhom dehrulu fuqhu marki ta’ ħruq mal-parti ta’ fuq tiegħu.
L-investigazzjoni dwar dan il-każ qed titmexxa mill-Pulizija tad-distrett ta’ Ħal-Qormi.