Erba’ persuni mietu u oħrajn huma rrapportati nieqsa wara splużjoni f’impjant tal-enerġija idroelettrika fit-Tramuntana tal-Italja.
L-isplużjoni seħħet taħt l-ilma fl-impjant f’Lake Suviana, mas-sebgħin kilometru bogħod mill-belt ta’ Bologna.
Iż-żona affettwata tinsab madwar tletin metru taħt wiċċ l-ilma.
Is-sindku tar-raħal ġar Camugnano qal li huwa mifhum li l-isplużjoni ħadet minħabba nar li tkebbes waqt xogħol ta’ manutenzjoni li kien qed isir.
Qal ukoll li l-ħaddiema tas-salvataġġ qed isibuha diffiċli għall-aċċess, u l-inċident huwa wieħed ‘serju’.
Tlieta mill-erba’ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident għandhom bejn ħamsa u tletin sena, u tlieta u sebgħin.
Wieħed mill-bugħaddasa li qed jieħu sehem fl-operazzjoni ta’ tfittxija qal li rnexxielu jinżel sa seba’ sulari taħt wiċċ l-ilma iżda ma rnexxilux jasal ħdejn tliet persuni li huma maqbuda aktar ’l isfel.