Żewġt irġiel jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li nħarqu waqt li kienu qed jaħarqu xi materjal antik fil-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp f’Wieq Qirda, Ħaż-Żebbuġ.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-15:45 tas-Sibt wara nofsinhar. Immedjatament fuq il-post issejħu żewġ timijiet mediċi flimkien ma diversi uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili mill-Istazzjon ta’ Ħal Far. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kienu mmexxija mill-Maniġer tal-Operazzjonijiet Anthony Pisani tfew in-nirien filwaqt li warrbu lill-irġiel mill-periklu.
L-irġiel li għandhom 58 u 26 sena rispettivament ittieħdu l-isptar permezz ta’ ambulanzi li kienu skortati minn diversi vetturi tar-Rapid Intervention Unit.
Membri mit-taqsima tal-Explosive Ordanance Department marru wkoll fuq il-post sabiex jassiguraw li ma baqa’ l-ebda periklu minħabba li mal-materjal li kien qed jinħaraq seta’ kien hemm xi taħlit ta’ splussiv.
Fil-viċinanzi tal-kumpless tan-nar inġabru wkoll numru ta’ ħbieb u diriġenti tal-istess kamra tan-nar.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Josette Demicoli, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mid-distrett ta’ Ħal-Qormi.