Minn tal-inqas 29 persuna weġġgħu fi splużjoni li seħħet fi New York tard is-Sibt bil-lejl. Splużjoni li seħħet fid-distrett ta’ Chelsea.
F’New York City kien hemm ukoll numru ta’ Maltin – fosthom id-disinjaturi tal-ħwejjeġ Charles & Ron li kienu qed jesebixxu l-kollezzjoni tal-ħwejjeġ tagħhom f”New York Fashion Week’. Fuq is-sit soċjali ta’ facebook huma qalu li jinsabu tajbin u li ma ġewx affetwati minn din l-isplużjoni.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jgħarraf li wara kuntatti li saru mir-Rappreżentanza Permanenti Maltija fi New York mal-awtoritajiet Amerikani, ma jirriżultax li hemm Maltin fost il-feruti fi splużjoni li seħħet is-Sibt filgħaxija (ħin ta’ New York) f’Manhattan, u li fiha kien irrappurtat li weġġgħu mill-inqas 29 persuna.
F’każ ta’ bżonn, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jista’ jiġi kkuntattjat fuq il-linja tat-telefon + 356 21242191.
F’isem il-Gvern Malti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, li bħalissa qed jakkumpanja lill-Prim Ministru Joseph Muscat fi New York għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, jawgura fejqan ta’ malajr lil dawk li weġġgħu f’din l-isplużjoni.
Għad mhux magħruf x’wassal għal din l-isplużjoni bis-Sindku Bill de Blasio jgħid li kienet intenzjonata għalkemm qal li ma jafx jekk hemmx rabtiet terroristiċi.
Jirriżulta li iktar tard instab apparat ieħor maħsub biex iwassal għal splużjoni u dan ftit il-bogħod. Ħadd minn dawk li weġġgħu mhu f’periklu li jitlef ħajtu iżda l-ġrieħi huma serji ħafna. Id-distrett ta’ Chelsea huwa wieħed mill-iktar imfittxija f’Manhattan u fi tmiem il-ġimgħa r-ristoranti u l-bars ikunu mballati bin-nies.