“Ir-regola tat-48 siegħa”, “Police Bail”, “Inkjesta Maġisterjali”, “Interrogazzjoni”, “Avukat tal-Għajnuna Legali”, “Kumpilazzjoni” u “Ħelsien mill-Arrest jew Bail”.
Dawn kienu wħud mit-termini legali li ssemmew ħafna fl-aħħar jiem b’rabta mal-arrest ta’ diversi persuni suspettati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
IR-REGOLA TAT-48 SIEGĦA:
Din ir-regola tgħid li persuna miżmuma taħt arrest mill-Pulizija għandha fi żmien 48 siegħa li jibdew jgħoddu mill-ħin li l-persuna tiġi arrestata u tiġi mgħarrfa b’dan il-fatt, titressaq il-Qorti akkużata b’reat. Dan ifisser li jekk il-Pulizija f’dal-ħin ma jkunx irnexxielhom jiġbru biżżejjed provi biex iressqu persuna, din għandha tinħeles mill-arrest.
POLICE BAIL:
Il-Police Bail huwa t-terminu li jintuża meta persuna li tkun suspettata li għamlet reat kriminali tinħeles mill-arrest tal-Pulizija. Qabel isir dan ikollha tiffirma dokument li jindika li l-persuna tkun qed tobbliga ruħha ma’ ċerti kundizzjonijiet li jimponu l-Pulizija biex f’każ li l-persuni jkun hemm bżonn li terġa’ tiġi arrestata, dan ikun jista’ jsir b’mod aktar faċli mingħajr ma l-persuna taħrab jew b’xi mod tipprova tfixfel ix-xogħol tal-Pulizija.
INKJESTA MAĠISTERJALI:
L-Inkjesta titmexxa mill-Maġisterat tal-Għassa li f’dak il-jum partikolari jkun imissu jieħu dan l-inkarigu. Matul l-inkjesta Maġisterjali, il-Maġistrat iqabbad diversi esperti li hu jaħseb li jistgħu jgħinu biex il-każ li jkun qed jiġi investigat jissolva. Wara li l-esperti jagħmlu xogħolhom, dawn jgħaddu rapport lill-Maġistrat tal-Għassa, li min-naħa tiegħu jippreżenta din il-ġabra t’informazzjoni fil-Qorti f’każ li l-persuna tiġi mressqa b’konnessjoni ma’ dan ir-reat.
INTERROGAZZJONI:
Dan huwa l-proċess li bih il-persuna suspettata tiġi mistoqsija mill-Pulizija xi mistoqsijiet relatati mal-każ li jkun qed jiġi investigat li jkunu jistgħu jgħinu biex jiġi stabbilit x’kien il-mottiv jew l-involviment tal-persuna arrestata. Dan jista’ jsir biss wara li l-persuna tingħata d-drittijiet tagħha, fosthom id-dritt li tikkonsulta m’avukat tal-fiduċja tagħha, kemm qabel kif ukoll waqt l-interrogazzjoni, kif ukoll id-dritt li l-persuna tista’ tagħżel li ma twieġeb għall-ebda mistoqsija tal-Pulizija. F’każ li l-persuna tagħżel li twieġeb, dik l-informazzjoni tista’ tintuża mill-Pulizija bħala prova kontra dik l-istess persuna.
AVUKAT TAL-GĦAJNUNA LEGALI:
Il-persuna mressqa l-Qorti akkużata b’reat għandha dritt li tiġi rrapreżentata minn avukat. L-Avukat tal-Għjanuna Legali huwa avukat fost lista ta’ 18 li jiġi mgħajjat mill-Qorti f’każ li persuna ma jkollhiex mezzi biex tqabbad avukat ma kellhiex ħin biex tkellem lill-avukat tagħha jew tkun il-persuna stess li talbet is-servizz t’avukat tal-Għajnuna Legali. L-Avukat tal-Għassa għandu obbligu jgħin lil din il-persuna daqslikieku kienet klijenta privata tiegħu. Dawn l-avukati jissejħu skont il-lista li tipprovdi l-aġenzija li hija inkarigata minnhom, Legal Aid Malta.
KUMPILAZZJONI:
Meta jkollok reat li jġorr il-piena ta’ aktar minn 6 snin priġunerija jfisser li għandu jkun hemm kumpilazzjoni. Il-kumpilazzjoni hija l-ġabra tal-provi kontra l-persuna arrestata, liema provi jitressqu mill-Pulizija wara li ssir il-konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali. Dawn il-provi jinstemgħu quddiem Maġistrat fil-Qorti tal-Maġistrati. L-akkużat għandu dritt ikun preżenti waqt il-ġbir ta’ dawn il-provi.
ĦELSIEN MILL-ARREST JEW BAIL:
Il-ħelsien mill-arrest jista’ jingħata lill-persuna li tkun qed tinżamm taħt arrest, kemm mill-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll mill-Qorti Kriminali. It-talba għall-ħelsien mill-arrest tista’ ssir f’kull ħin li l-persuna tkun arrestata. Il-Qorti li tkun qed tisma’ din it-talba għandha tikkunsidra diversi fatturi qabel ma tingħata l-ħelsien mill-arrest, fosthom ir-reat li bih tkun akkużata l-persuna, ir-rabtiet li għandha l-persuna mal-pajjiż, jekk din il-persuna kinitx għamlet reati oħrajn qabel, kif ukoll iż-żmien li din il-persuna tkun ilha tinżamm arrestata. Meta persuna tingħata l-ħelsien mill-arrest, din tobbliga ruħha mal-kundizzjonijiet li tordna l-Qorti u jekk tikser waħda minn dawn il-kundizzjonijiet terġa’ tispiċċa arrestata.