Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’, kif il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mal-€2,000 fis-sena mill-bidu tal-2022 mindu l-Gvern iddeċieda li jissussidja l-prezzijiet tal-elettriku, il-fuel u l-gass. Fil-fatt, bil-Baġit għall-2024, din se tkun it-tielet sena konsekuttiva fejn il-Gvern se jkun qed jinvesti €350 miljun oħra.
Hi qalet li b’din il-politika ta’ stabbilità tal-Gvern f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi kbar, il-prezzijiet tal-elettriku waħedhom ifissru li familji ta’ tlieta qed jiffrankaw mal-€520 fis-sena, waqt li dawk magħmulin minn erba’ persuni qed jiffrankaw mas-€605 fis-sena.
Il-Ministru Dalli tenniet ukoll li, mingħajr l-għajnuna tal-Gvern, il-prezzijiet tal-fuels kienu jiżdiedu b’€468 aktar fis-sena għal vettura petrol u b’€624 għal vetturi diesel.
Ġie nnotat kif, b’differenza għal pajjiżna, fi tliet snin, il-kontijiet tad-dawl għolew b’40% u l-prezzijiet tal-fuels bi kważi 30% bħala medja fiż-Żona Ewro.
Ma’ dawn jiżdiedu wkoll il-prezzijiet tal-gass, li f’pajjiżna wkoll hu kkonsmat mill-familji u n-negozji, iżda hawn il-prezz ukoll baqa’ stabbli fostna.
Qalet, “Il-politika ta’ dan il-Gvern, li nżommu l-istabilità fil-prezzijiet, hi politika konxja li ħadna mill-ewwel ġurnata, għax nafu l-impatt negattiv li kien hemm fuq pajjiżna meta qabel l-2013 kellek Gvern Nazzjonalista li għolla l-kontijiet … kienu fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Illum pajjiżna għandu fost l-aktar kontijiet baxxi fl-Unjoni Ewropea.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Dalli elenkat l-investiment li qed jagħmel il-Gvern bit-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’investiment totali ta’ €188 miljun.
Fost dawn hemm investiment ta’ €55 miljun fit-tisħiħ ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni, filwaqt li l-Enemalta se tikri impjanti f’każ ta’ emerġenza għal meta jkun hemm żieda fid-domanda tal-elettriku.
Qalet, “Qed nagħmlu ħilitna kollha biex is-settur tal-enerġija f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ. S’issa, din is-sena ġew ikkummissjonati aktar minn 30 substation ġdida, filwaqt li għaddejja ħidma fuq 30 substation ġdida oħra. Iż-żieda ta’ dawn is-substations hi essenzjali biex nassiguraw provvista tal-elettriku stabbli għall-konsumaturi. Għas-sena d-dieħla l-Enemalta qed tippjana li tikkummissjona bejn 40 u 50 substation ġdida.”
Dan filwaqt li għaddej xogħol fuq il-feeders biex jissaħħu s-substations.
Il-Ministru Dalli semmiet ukoll ix-xogħol li għaddej fuq it-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
Qalet, “Tlesta d-disinn tal-cable u l-infrastruttura neċessarja u b’hekk setgħu jiġu ppubblikati l-ewwel sejħiet għall-offerti għat-tagħmir fit-terminal stations fil-Magħtab u f’Ragusa.”
Il-Ministru għall-Enerġija semmiet li l-impjanti fil-Marsa u f’Dellimara se jsir fihom investiment fil-ħażna tal-enerġija tal-massa bl-użu ta’ batteriji fuq l-art. Intqal li Interconnect Malta ħarġet sejħa għall-offerti biex isir ix-xogħol ta’ disinn preliminari ta’ dawn il-batteriji.
Dr Dalli tenniet ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’diversi miżuri biex il-provvista tal-ilma tilqa’ għat-tkabbir fid-domanda, b’investiment ta’ €315-il miljun sal-2030.