Kull turist li se jiġi jistudja l-Ingliż f’pajjiżna se jkun jista’ jgawdi sa massimu ta’ tliet mitt ewro jekk iqatta’ bejn erbatax u tletin ġurnata jistudja f’pajjiżna.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ fi pjazza San Ġorġ fil-Belt fejn intqal li dan kollu qed isir b’investiment ta’ miljun ewro.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li dan l-investiment se jingħata f’forma ta’ vouchers b’kulur isfar tal-għaxar ewro fejn dawn l-istudenti se jkollhom dawn il-flus x’jonfqu fin-negozji Maltin għal kull lejl li jqattgħu f’pajjiżna.
Għalhekk dawk li jqattgħu tletin ġurnata f’pajjiżna se jgawdu minn massimu ta’ tliet mitt ewro.
Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li dawn il-vouchers se jkunu qegħdin jitqassmu lil madwar erbgħin skola tal-Ingliż fejn minn hemmhekk imbagħad jitqassmu lill-istudenti.
Huwa stqarr: “Jiġifieri l-istudent se jkun qiegħed jirċievi bejn minimu ta’ mija u ħamsin ewro sa massimu ta’ tliet mitt ewro. Dawn ikunu jistgħu jintużaw kull fejn hemm ħwienet li huma reġistrati biex jaċċettaw il-vouchers il-ħomor u dawn se jingħataw lill-istudenti mill-iskejjel. Jiġifieri l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tgħaddi dawn il-vouchers lill-iskejjel tal-Ingliż imbagħad dawn jgħaddu lill-istudenti sabiex b’hekk aħna jkollna mod ta’ kif inżommu aġġornati u nkunu ċerti li dawn l-istudenti verament ġew f’pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li dan l-investiment se jirritorna kollu għand madwar erbat elef u seba’ mitt negozju eliġġibbli.
Spjega kif is-sistema li ħejjiet il-kumpanija Mimcol se tkun tista’ tintuża sabiex negozju li jaċċetta il-vouchers il-ħomor tal-mitt ewro jaċċetta wkoll il-vouchers is-sofor.
Il-Ministru Schembri sostna: “Jiġifieri fejn tidħol eżempju pjattaforma diġitali ħalli anke kif ikollna l-bżonn li nniedu ċertu miżuri jew ikollna bżonn tip ta’ distribuzzjoni fil-pajjiż jew man-negozji tagħna dik tkun qiegħda diġà lesta b’mod ta’ ‘plug and play solution’ u b’hekk inkunu ħafna iżjed effiċjenti. Pereżempju f’dan il-każ il-Ministeru tat-Turiżmu nieda skema ta’ għaxar miljun ewro bħala vouchers lill-istudenti tal-Ingliż u allura kellna l-pjattaforma lesta dik li użajna għall-vouchers tal-mitt ewro sabiex dawn il-fondi jerġgħu jmorru lura għand in-negozji tagħna.”
Dawk kollha li jixtiequ jkollhom iżjed informazzjoni jew jixtiequ jistaqsu jistgħu jċemplu fuq 80074950.
L-istess linja għall-għajnuna fuq il-vouchers il-ħomor.
Dawn il-vouhers se jkunu validi mis-sebgħa ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ din is-sena sakemm il-fond ikun intuża kollu.