Bi tmiem tal-ftehim ta’ koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, li kkontestaw bħala lista waħda fl-elezzjoni ġenerali, żdiedet il-konfużjoni li diġa’ kienet tinħass meta l-Oppożizzjoni suppost kellha l-istess whip u l-istess linja fil-Parlament. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija fejn spjega li l-poplu spiċċa lanqas jaf fejn qiegħed mal-oppożizzjoni li issa hija mifruda iktar minn qatt qabel.
“Dawn l-aħħar żviluppi mhux biss jikkonfermaw kemm kellhom raġun il-Prim Ministru u l-Partit Laburista meta wissew b’koalizzjoni ta’ konfużjoni, iżda juru wkoll kemm il-Partit Nazzjonalista m’għandux il-kredenzjali biex imexxi l-pajjiż. Dan għax minflok jingħaqad qed jispiċċa jinfired iktar minn qatt qabel,” kompliet tgħid l-istqarrija.
Tajjeb wieħed ifakkar li l-Oppożizzjoni ikkontestat punt kostituzzjonali dwar in-numru ta’ siġġijiet li kienet intitolata għalihom fuq il-premessa li l-PN u PD huma ħaġa waħda, b’ lista waħda u whip wieħed.
L-istqarrija temmet tgħid li skont il-Partit Nazzjonalista, l-investituri barranin kellhom jippakkjaw u jitilqu mill-pajjiż jekk jerġa’ jiġi elett Gvern Laburista. Iżda, kienet il-koalizzjoni li ppakkjat u telqet.