Dan huwa Victor Attard, li llum jgħodd tmenin sena.
Meta sar l-istrajk ġenerali tat-tmienja u għoxrin t’April tal-elf disa’ mija tmienja u ħamsin, bħal-lum erbgħa u sittin sena, Victor kien ħaddiem tat-tarzna u kellu sittax-il sena.
Huwa qalilna kif il-General Workers’ Union kienet sejħet għal strajk ġenerali wara s-sensji mill-Gvern Ingliż fit-tarzna.
Qal, “In-nies, il-folla, ma kien hemm ebda ftehim ta’ xejn, imma taf inti, iakun hem agħa kbira u bdew jgħidu “kulħadd għall-Belt”. Tlaqna bil-mixi lejn il-Belt, imma kif wasalna l-Marsa kellna niġu lura għax ġew il-pulizija. Tlajna mit-telgħa tal-Cold Store u kulħadd jitfa’ l-ġebel u jagħmel. Dawk jiġru warajna, il-pulizija.”
Qabel dawn l-irvellijiet, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-elf disa’ mija u sebgħa u ħamsin, mill-Parlament Malti għaddiet ir-riżoluzzjoni ‘Break with Britain’.
B’din ir-riżoluzzjoni l-Gvern Malti, dakinhar immexxi mill-Prim Ministru Dom Mintoff, ried li jinħall minn mal-Ingliżi, wara li fallew in-negozjati tal-integration. Dak hekk kif l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji fl-hekk insejjaħ rundown u hekk żġur il-Maltin ma kinux se jgawdu mill-istess drittijiet li kellhom l-Ingliżi.
Jiem qabel dan l-istrajk ġenerali, il-Gvern ta’ Mintoff irriżenja.
Victor Attard spjegalna kif il-ħaddiema u l-famiji Maltin kienu mxebgħin.
Spjega, “Imma, bħala nazzjon, l-Ingliżi ma kinux jistmawna, mhux il-baħrin u dan, il-Gvern Ingliż bħala nazzjon, mhux bħala individwi, ma konniex stmati.”
Attard spjega magħna kif in-nies mill-Kottonera, minn Ħaż-Żabbar, u minn Ħal-Luqa bdew telgħin lejn il-Belt, iżda twaqqfu mill-Pulizija u niżlu lejn Kordin u Bormla.
Qal, “Kif qegħdin Bormla bdew jgħidu li kissru l-għassa ta’ Ħal Tarxien jew ta’ Ħaż-Żabbar, waħda minnhom għax dawk tlieta kienu tkissru, u dak tkun għadhek ġuvni, avventura tkun mhux b’dak il-ħsieb li dan. U tal-avventura ħadtha kont.”
Wara din il-ġrajja , Victor Attard spiċċa arrestat u weħel xahar ħabs. Dan minkejja li, qabel is-sentenza, huwa nżamm xahrejn arrestat.
Irrakkonta magħna kif l-għada huwa mar għax-xogħol, iżda ftit wara ġew għalih uffiċjali tal-CID u ħaduh lejn id-depot.
Qal, “Fid-disgħa ta’ bil-lejl kien hemm ċertu spettur Hiegi, qalli, ‘ejja ħa mmorru’. Għedt, ‘ejja, ħa nitlaq mela issa’, u x’ħin iffirmajt għedtlu, ‘Nista’ mmur sir?’. Qalli fejn tmur, qalli oqgħod hemm u ħadna lejn Kordin.”
Huwa qalilna li ma jiddispjaċihx ta’ dan, minħabba li hu flimkien ma’ oħrajn iġġieldu għal ħelsien ta’ pajjiżna.
Qal, “Kif għedtlek kien għad għandi sittax-il sena u ssibha qisha avventura, imma qatt ma ddispjaċini b’li għamilt ħa ngħidha kif inhi.”
L-isem ta’ Victor Attard u ta’ oħrajn għadhom imnaqqxa fuq monument li hemm fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.