Is-Sibt filgħaxija, spetturi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmu bla waqfien biex wettqu spezzjonijiet fi stabbilimenti u raw li dawn qed josservaw il-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rringrazzja lill-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Infurzar fi ħdan l-MTA li għamlu spezzjonijiet kontinwi madwar Malta u Għawdex.
Bil-miżuri mħabbra nhar il-Ħamis li għadda, ristoranti, snackbars, kiosks u kafetteriji jistgħu joffru biss servizz ta’ takeaway.
Huma biss lukandi u guesthouses fost postijiet t’akkomodazzjoni li jistgħu jservu l-ikel lin-nies bil-qiegħda, u dan jistgħu jagħmluh biss lir-residenti tal-post.
Bars u każini jridu jkunu magħluqa.
Fil-fatt dawn l-ispetturi komplew bl-ispezzjonijiet biex jassiguraw li kulħadd qed jimxi ma’ dawn il-miżuri.
Dawn il-miżuri, fis-seħħ sal-11 t’April li ġej, tħabbru flimkien ma’ oħrajn t’għajnuna għal dawn in-negozji li ntlaqtu.
Fil-fatt is-sidien tar-ristoranti bdew jerġgħu jieħdu l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi, magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement, b’mod sħiħ, jiġifieri jaqgħu taħt Skema A u jieħdu €800 għal kull ħaddiem fix-xahar.
Dan apparti li nhar il-Ġimgħa tħabbar li l-Gvern ta lil kull sid ta’ ristorant, elf ewro.
Dan apparti li lis-sidien tal-bars, il-Gvern żidilhom l-għajnuna b’nefqa t’aktar minn żewġ miljun ewro.