Ahmad Aldzhafar Sauah, Sirjan ta’ 23 sena nżamm arrestat wara li fil-Qorti ammetta li kien qed isuq b’liċenzja skaduta u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, waqt li aktar tard instab li kien qed jgħix f’pajjiżna llegalment.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat ġie arrestat it-Tlieta, waqt roadblock minn uffiċjali tal-Pulizija u Transport Malta, f’Wied il-Għajn.
Intqal li waqt l-investigazzjoni nstab li s-Sirjan għandu passaport Bulgaru, m’għandux permess ta’ residenza biex jgħix f’pajjiżna.
Id-difiża spjegat li s-Sirjan għandu liċenzja tas-sewqan internazzjonali, li kienet valida għal sena u m’indunax li skaditlu.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Gianella Caruana Busuttil tatu sitt xhur ħabs sospiza għal sena, waqt li ma jistax ikollu liċenzja għas-sewqan għal 13-il xahar. Hu mifhum li nbeda l-proċess biex is-Sirjan jintbagħat lura lejn pajjiżu jew f’pajjiż fejn jista’ jgħix.