Sitta u għoxrin persuna ġew arrestati wara li nstabu kollha jgħixu f’pajjiżna b’mod irregolari. Dan f’operazzjoni mill-Pulizija flimkien ma’ entitajiet oħra fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, Santa Venera u l-Marsa.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li fil-Ħamrun tkomplew ukoll l-ispezzjonijiet kontinwi fil-ġonna u fi spazji pubbliċi oħra.
Din il-ħidma kontinwa hi parti minn kordinazzjoni strateġika f’dan il-qasam. Hekk kif fl-aħħar ġimgħat u xhur, il-ħidma ffukat ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol, kif ukoll f’postijiet tal-kummerċ, liema ħidma se tkompli tissaħħaħ.
Dawn il-persuni li nqabdu f’pajjiżna b’mod irregolari jittieħdu kollha f’ċentru ta’ detenzjoni u jinżammu hemm sakemm ikunu ritornati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew fil-pajjiż li għandhom permess jgħixu fih.
Intqal li l-Korp tal-Pulizija jibqa’ wkoll jinvestiga l-każijiet reletati b’mod sħiħ.
Ix-xogħol f’dan il-qasam jitmexxa mill-Korp tal-Pulizija, flimkien mal-entitajiet l-oħra tal-immigrazzjoni u tax-xogħol, flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi tad-Detenzjoni.


