Fuq bażi regolari, diversi Taqsimiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jingħaqdu flimkien biex iwettqu spezzjonijiet fit-toroq matul il-lejl, li jassiguraw iż-żamma tal-ordni u s-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna.
ONE News qatta’ lejl ma’ uffiċjali mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt, tar-Rapid Intervention Unit, tat-Taqsima tal-Klieb u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Dawn kienu megħjuna wkoll minn uffiċjali mill-Garaxx tal-Pulizija, li assistew bid-dwal u l-apparat meħtieġ biex setgħu jsiru l-ispezzjonijiet.
Il-crew ta’ ONE News iltaqa’ mal-uffiċjali fl-għassa tal-Belt, fejn ingħatat spjegazzjoni dwar dak li kien se jsir.
Biex ikunu jistgħu jsiru spezzjonijiet fit-toroq, ikun hemm bżonn mandat mingħand fizzjal – jiġifieri minn grad ta’ spettur ’il fuq.
L-għan ewlieni ta’ dawn l-ispezzjonijiet huwa biex tinżamm is-sigurtà, anki permezz tal-preżenza tal-Pulizija fit-toroq.
L-ewwel spezzjonijiet saru fil-Kottonera, fejn twaqqfu numru ta’ vetturi li dehru suspettużi.
F’ħin minnhom, karozza li ndunat bil-preżenza tal-Pulizija qabel il-mina, waqfet ftit passi ’l bogħod u s-sewwieq deher jibdel postu ma’ wieħed mill-passiġġiera. Dan ġibed l-attenzjoni tal-uffiċjali, li fil-fatt marru mill-ewwel biex jaraw l-illegalità. Iktar tard irriżulta li s-sewwieq kien ġuvni taħt l-età u allura kien qed isuq mingħajr liċenzja u taħt l-età.
Fost l-ispezzjonijiet fil-Kottonera nstabu wkoll diversi karozzi li fihom kien hemm persuni fil-pussess tad-droga.
F’dawn il-każijiet, saret tfittxija bl-assistenza minn Miko u Falco – żewġt iklieb tal-K9 tar-razza German Sheperd u Dutch Sheperd.
Dawn fittxew mal-karozza fuq barra u anki fuq ġewwa, u indikaw fejn kienet id-droga.
Is-Supretendent Josric Mifsud spjegalna aktar dwar każijiet li jinvolvu sejbiet tad-droga.
Is-Supretendent Josric Mifsud spjega li, “Jekk neskludu l-ħaxixa, il-pussess tad-droga l-oħra kollha hija illegali u twassal sabiex persuna tiġi arrestata. Fil-każ tal-ħaxixa kif jaf kulħadd, taħt il-valur ta’ seba’ grammi, persuna jista’ jżomm il-ħaxixa wara li tintiżen, u jintbagħat biex ikompli bil-ġurnata. Issa, jekk jinstab li hemm iktar minn seba’ grammi ta’ ħaxixa, il-persuna tiġi arrestata u jsiru aktar investigazzjonijiet.”
Is-Supretendent kompla jispjega kif sitwazzjonijiet differenti, jirrikjedu azzjonijiet differenti.
Is-Supretendent żied jgħid li, “Jekk l-ammont ikun eżorbitanti, jista’ jitressaq fuq traffikar jew inkella jitressaq fi tribunal, però jiddependi l-ammonti dejjem. Aħna dejjem nimxu mal-ammonti u ċ-ċirkostanzi li jinstabu fihom, għax ma jfissirx li jekk ikollok żewġ grammi, ikunu għall-użu tiegħek għax jekk ikunu mqassmin f’pakketti żgħar, jista’ wkoll juri każ ta’ traffikar fejn il-persuna tkun qed tagħmel delivery tad-droga.”
L-ispezzjonijiet komplew f’Tal-Barrani, f’Ħal Qormi u fi Triq Sant Anna fil-Furjana.
L-ispettur Raymond Joseph Azzopardi, mir-Rapid Intervention Unit, spjegalna kif tul il-lejl, kien hemm bosta persuni li nstabu jsuqu bla liċenzja, bla ċinturin tas-sigurtà, bi twieqi tinted u b’affarijiet oħra illegali li għalihom, inħarġu ċitazzjonijiet.
L-ispettur Raymond Joseph Azzopardi qal li, “Kull karozza tiġi ċċekkjata l-liċenzja tat-triq, ovvjament jekk din tkun skaduta, din tiġi rmunkata, apparti minn hekk ċertu karozzi jitwaqqfu at random ukoll biex jiġu spezzjonati aktar fil-fond għal diversi fatturi.”
Fl-ispezzjonijiet li saru fi Triq Sant Anna, instab ġuvni li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.
Fil-fatt, wara suspett raġjonevoli, dan twaqqaf mill-Pulizija u sarlu t-test tal-breathalyser.
L-ispettur Raymond Joseph Azzopardi qal li, “Biex isir test tan-nifs, irid ikun hemm ċertu suspett, jew bil-manuvri li jsiru, jew meta nitkellmu mal-persuna nxommu riħa tal-alkoħol. Ovvjament, dak li jkun ma jitħalliex isuq, jiġi nfurmat bid-drittijiet kollha tiegħu. Jekk jaqbel, isirlu t-test tan-nifs u ovvjament skont ir-riżultat li jiġi, jitmexxa l-Qorti jew le.”
Tul dawn l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali kollha kienu lebsin il-bodycams biex kollox jiġi rreġistrat fuq filmat f’każ li tinqala’ sitwazzjoni li tkun teħtieġ il-provi viżivi.
Bl-istess mod kellhom ukoll taser guns u tagħmir protettiv ieħor biex jipproteġu lilhom infushom f’każ li jkun hemm bżonn.
Dawn l-ispezzjonijiet isiru kull ġimgħa u madwar il-pajjiż kollu, biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u jiġu evitati inċidenti bla bżonn.
Is-Supretendent fl-għassa tal-Belt qal, “Jekk bniedem m’għandux x’jaħbi, m’għandux għalfejn jinkwieta. Kif rajtu intom stess, aħna nimxu b’mod ċivilizzat u nitkellmu man-nies b’mod kalm. Jekk persuna ħa teskala s-sitwazzjoni, aħna mbagħad ikollna nieħdu passi ulterjuri skont l-eskalar ta’ dak li jkun qed jiġri, jiġifieri, il-messaġġ tagħna huwa: dawn qed isiru għall-protezzjoni ta’ kulħadd; tal-persuni li jkunu qed isuqu u ta’ bystanders.”