Fl-aħħar ġimgħat għadd ta’ spetturi tal-Awtoritá tal-Ħarsien Soċjali żiedu l-ispezzjonijiet għall-għarrieda fi djar tal-anzjani, tfal u persuni b’diżabilità li jassiguraw li s-sidien qegħdin jimxu mal-miżuri li ddaħħlu kontra l-imxija tal-Coronavirus. Dan bil-għan li jħarsu s-saħħa tal-anzjani residenti fid-dar.
One News żar id-dar tal-Anzjani ‘Casa Paola’ f’Raħal Ġdid fejn hemmhekk segwa l-ispezzjoni li saret mill-ispetturi tal-Awtorità.
Mal-wasla tagħna fuq il-post, stajna nosservaw ħaddiema tad-dar tal-anzjani jordnaw lil kull min beda dieħel fid-dar tal-anzjani biex jiddiżinfetta jdejh qabel ma jdaħħlu f’kamra oħra fejn jiċċekkjawlu t-temperatura.
“Hawnhekk kif qed taraw warajja kull persuna li tidħol fir-residenza tiġi ttestjata permezz ta’ kwestjonarju u anke strument li jaqra t-temperatura tal-bniedem. Dan sabiex ikunu ċerti li kull persuna li tidħol fir-residenza ma jkollhiex sintomi ta’ influwenza.”
Hawnhekk jittieħdu d-dettalji u l-viżitatur jiffirma biex hekk jinżamm rendikont ta’ kull min ikun daħal fid-dar.
Mal-wasla tagħhom fuq il-post, l-ispetturi fakkru lill-ħaddiema tad-dar dwar id-direttivi l-ġodda.
Flimkien mal-maniġer tad-dar, l-ispetturi tal-awtorità bdew iduru d-dar kollha sabiex jiċċekkjaw li f’kull kamra hemm biżżejjed sanitizers.
Karl Grech, spettur tal-awtorità spjega li dawn l-ispezzjonijiet mhux qed isiru biss minħabba l-Coronavirus.
Madankollu stqarr li issa l-ispezzjonijiet qed isiru iżjed frekwenti biex ikun assigurat li d-direttivi qegħdin jiġu segwiti.
“Is-sena l-oħra saru 998 spezzjoni illi 410 minnhom kienu fi djar residenzjali tal-anzjani bejn Malta u Għawdex u bħalissa l-Awtoritá, infatti l-bieraħ saru wkoll mal-erbgħin spezzjoni, fid-djar residenzjali f’Malta u aħna bħala Awtoritá inkunu qed induru, il-homes tal-anzjani, nitkellmu mal-anzjani, nitkellmu mas-service provider ukoll biex naraw illi l-benessere tal-anzjan u s-saħħa tal-anzjan tkun fiċ-Ċentru tal-kura li tkun qed tingħata.”
L-ispettur, Salvina Frendo Cumbo appellat sabiex dawk kollha li jmorru fid-djar tal-anzjani jżuru lil qrabathom u juru iżjed koperazzjoni għall-ġid tar-residenti nfushom.
“L-anzjani huma kuntenti ħafna għaliex iħossuhom iktar siguri, biss kultant dawk li jiġu minnhom mhux dejjem qed jikkoperaw daqshekk mad-direttivi li ħarġu. Forsi nagħmel appell biex iktar jifhmu s-sitwazzjoni u jkomplu mad-direttivi.”