Persuna li niżlet Malta b’titjira minn Edinburgh fl-Iskozja ttieħdet l-isptar Mater Dei b’ambulanza wara li ħassitha ma tiflaħx waqt it-titjira.
It-titjira ta’ Ryan Air FR 6695 niżlet fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta ftit qabel is-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Kelliema għall-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru qalet lil dan l-istazzjon li l-persuna li ddaħħlet l-isptar tbati minn kundizzjonijiet respiratorji, iżda peress li din il-persuna għaddiet minn Spanja, ttieħed swab test bħala prekawzjoni.
Il-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa spjegat li r-riżultat ta’ din il-persuna mistenni joħroġ fil-ħin li ġej filwaqt li persuna oħra li kienet fuq l-ajruplan u li ddaħħlet l-isptar, ħarġet mill-istess sptar minnufih.
Ġie spjegat ukoll li l-passiġġieri li kienu abbord l-ajruplan m’għandhomx bżonn jagħmlu kwarantina għaliex ġew mir-Renju Unit, pajjiż li sa issa ma ħarġux miżuri fil-konfront tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin wara f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi fuq din is-sitwazzjoni.
“Il-persuna inkwistjoni ttieħdet l-isptar b’ambulanza. Il-persuni l-oħra qed jinżammu d-dettalji kollha tagħhom fil-formoli meħtieġa biex jekk ikun hemm il-ħtieġa jiġu traced kollha kemm huma.”
Fi stqarrija, l-ajruport internazzjonali ta’ Malta qal li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu miżuri ta’ prekawzjoni biex jassiguraw is-sigurtà u s-saħħa ta’ dawk kollha li kienu abbord.
Intant wara li t-Tnejn filgħaxija, il-Gvern waqqaf l-ivvjaġġar kollu bl-ajru u bil-baħar bejn Malta u l-Italja, fl-aħħar sigħat tmienja u sittin Malti nġiebu lura l-pajjiż fuq żewġ titjiriet tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.
It-Tlieta filgħaxija niżlu f’Malta 20 passiġġier, fosthom l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, filwaqt li l-bqija tal-passiġġieri waslu Malta kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawn kollha se jkunu marbuta bi kwarantina ta’ erbatax-il jum, u jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa minnufih f’każ li jħoss xi sintomi.
Dan l-istazzjoni hu nformat ukoll li mija u erbatax-il persuna oħra li kienu f’Malta telqu lejn l-Italja fuq l-istess żewġ titjiriet.