Waqt spezzjoni ta’ rutina li saret matul il-lejl li għadda, spetturi mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, interċettaw u kkonfiskaw kunsinja sinifikanti ta’ frott taċ-ċitru li ddaħħlu f’Malta min Sqallija mhux skont standards iffissati.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Agrikoltura ġie spjegat li din il-ħidma saret b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, fejn ġew spezzjonati skont il-liġi, trakkijiet li jġorru l-frott minn Sqallija bil-katmaran.
Iċ-ċitru kkonfiskat jikkonsisti f’kunsinja ta’ tliet mija u sitt kaxxi, ekwivalenti għal tlett elef u tnejn u tletin kilo ta’ frott taċ-ċitru, li se jintbagħat lura lejn Sqallija.
Il-kummerċ illegali ta’ ċitru li ma jkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta jpoġġi f’riskju l-industrija agrikola Maltija billi jipperikola l-introduzzjoni ta’ mard tas-siġar u pjanti kif ukoll ixekkel il-ħidma tal-produtturi lokali.